Join Us On:

News Archive

IS-SUR PAUL M CASSAR MAĦTUR PRESIDENT

Ritratt Paul M. Cassar

Il-bieraħ filgħaxija, 28 ta’ Frar 2015 saret l-elezzjoni għall-President tas-Soċjetà fejn ġie elett is-Sur Paul M. Cassar, kariga li kienet ikkontestata biss mill-persuna eletta. L-elezzjoni tal-President hi stipulata mill-Istatut tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u ssegwi l-elezzjoni għall-Kumitat Ġenerali li saret nhar il-Ħadd li għadda. Is-sur Cassar hu meqjus bħala figura mill-aktar importanti fl-istorja reċenti kemm tas-Soċjetà u l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, kif ukoll tal-Bażilika u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Bejn l-1955 u l-1995 kien membru fil-Kumitat tas-Soċjetà La Stella fejn fost l-oħrjan kellu sehem ewlieni fil-bini tal-kumpless tal-Kazin La Stella u t-Teatru Astra. Kien fost il-promoturi biex sar it-tkabbar ta’ Pjazza San Ġorġ, għat-trasferiment tal-festa ta’ San Ġorġ f’Lulju kif ukoll għall-avvanzi onorifiċi li kisbet il-parroċċa ta’ San Ġorġ mis-separazzjoni sat-twaqqif tagħha bħala kolleġġjata urbana. Bejn l-1958 u l-1961 kien elett membru fl-ewwel kumitat tal-Gozo Civic Council għall-Belt Victoria. Aktar reċenti, fis-sena 2000 ġie elett Sindku tal-Belt Victoria, kariga li dam jokkupa sal-2003. Is-Sur Cassar hu wkoll Kavallier tal-Ordni Ekwestri tas-Ssmu. Sepulkru. Fuq livell professjonali hu kien il-Biblijotekarju t’Għawdex bejn l-1952 u l-1994.

Issa jmiss li ssir l-ewwel laqgħa tal-kumitat il-ġdid u fiha jiġu maħtura d-diversi karigi kif stabbilit fl-istatut.

Mill-ġdid nifirħu kemm lis-Sur Paul M Cassar għal din il-ħatra kif ukoll lill-membri tal-kumitat li ġie elett il-ġimgħa l-oħra biex ikompli x-xogħol fi ħdan is-Soċjetà għażiża tagħna.

Intant il-bieraħ filgħaxija sar ukoll r-recording tal-Marċi Brijużi 2015.  Minn issa ‘l quddiem jibdew it-tħejjijiet għall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir. Nagħtukom aktar dettajli dwar dawn l-attivitajiet fil-jiem li ġejjin.