IS-SOPRAN GRIEGA DIMITRA THEODOSSIOU
Il-Fesitaval Mediterranea 2011 huwa kburi li din is-sena akkwista s-servizzi u l-ħiliet tas-sopran Griega Dimitra Theodossiou li bħalma ħabbarna fi bnadi oħra se tkanta l-parti ta’ Norma fl-opra tant diffiċli li ġġib l-istess isem u li se ssir f’żewġ serati bħala parti mill-ftuħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena. Theodossiou hi meqjusa bħala l-ikbar Norma wara s-sopran leġġendarju Maria Callas. Norma se ssir il-Hamis 27 t’Ottubru u s-Sibt 29 t’Ottubru.
Permezz ta’ din l-opra Dimitra Theodossiou, li hi soprano ta’ klassi dinjija, se tkun qed tkanta għall-ewwel darba f’Malta. Minbarra għar-rwol ferm diffiċli tagħha f’din l-opra ta’ Bellini, hi magħrufa ferm ukoll għal diversi rwoli oħra li jġibu l-istess isem tal-opra fosthom f’Aida ta’ Giuseppe Verdi, f’Lucia di Lammermoor, Anna Bolena u Lucrezia Borgia ta’ Donizetti kif ukoll rwoli oħra ferm impenjattivi fosthom f’diversi opri ta’ Verdi bħar-rwol ta’ Violetta f’La Traviata, Odabella f’Attila, Gisela f’I Lombardi, Elisabetta f’Don Carlo u Lady Macbeth f’Macbeth kif ukoll ir-rwol ta’ Mimì fl-opra ta’ Giacomo Puccini La Bohème u oħrajn. B’mod regolari hi tkanta fit-teatri u s-swali l-iktar importanti madwar id-dinja fosthom f’Royal Opera House Covent Garden, f’Teatro alla Scala f’Milan, f’diversi teatri tal-opra madwar l-Italja fosthom f’Ruma, Verona u Napli, kif ukoll fil-belt kapitali ta’ pajjiżha Ateni, Frankfurt, Lisbona, Tokjo, St Petersburg, Munich, Madrid, Monte Carlo, Sao Paolo, il-Ġappun u Seoul fost oħrajn.
Biex wieħed jibbukkja jista’ jċempel fuq 21550985 jew 79256897, jew jikteb fuq [email protected]. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.