Join Us On:

News Archive

IS-SOĊJETÀ LA STELLA TĦARES ’IL QUDDIEM

Hekk kif fiż-żewġ pjazez prinċipali tal-gżira Għawdxija, Pjazza San Ġorġ u Pjazza Indipendenza, ftit metri ’l bogħod mis-sede tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-każin tal-banda ċittadina La Stella, il-folla tiċċelebra t-tmiem tas-sena 2008 u l-bidu tas-sena 2009, l-annali tas-Soċjetà La Stella jimmarkaw sena oħra ta’ storja, sena oħra li ddomm il-mixja ta’ moviment urban sa mill-1863 partiċipi b’mod attiv fil-ħajja soċjokulturali ta’ gżiritna, sena ta’ ħidma li, għax mibnija fuq storja hekk għanja u mnebbħa minn ideal Ġorġjan u belti, ma għamlitx għajb lill-miri, l-aspettattivi u l-istorja tagħha, sena li rat lil kull fergħa tas-Soċjetà ssostni l-ħidma tagħha b’suċċess – il-banda dekana La Stella, it-Teatru Astra, il-Festival Mediterranea, l-Għaqda ta’ l-Armar Festa San Ġorġ, l-Għaqda Bandisti Żgħażagħ La Stella, l-Għaqda tan-Nar Festa San Ġorġ, l-iskola tal-mużika fi ħdan il-banda, iż-żewġ websajts tas-Soċjetà (lastella.com.mt.mt u www.mediterranea.com.mt), il-Grupp Folkloristiku Astra, il-grupp li jorganizza t-tiġrijiet tal-bhejjem u s-sezzjoni tal-Karnival – sena ta’ ħidma li ssib il-milja tagħha fl-organizzazzjoni ta’ “l-aktar festa popolari tal-ġżira” li s-Soċjetà Filarmonika La Stella torganizza u tiċċelebra, l-unur tal-bażilika protoparrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ beltna.
 
Din hi l-bażi tas-sodisfazzjon li jirreġistraw il-partitarji, il-bandisti u l-kumitat tas-Soċjetà La Stella li issa f’għeluq is-sena, li ma kinitx nieqsa mill-isfidi, tipprojjettana lejn sena oħra, eċċitanti fil-miri u soda fl-isfidi. Il-gruppi u l-movimenti kollha fi ħdan is-Soċjetà, fuq kulħadd il-banda ċittadina La Stella, huma determinati li jimpenjaw ruħhom sabiex jissokta jintlaħaq l-ideal li għalih twaqqfet din is-Soċjetà issa bi storja glorjuża, li tagħraf fil-protoparroċċa ta’ San Ġorġ ir-ruħ tagħha, esiġenti fir-realtajiet ta’ żmienna u kif ddettata mill-istorja li tibqa’ tgħallimna u tiggwidana, grazzi għall-memorja u l-ħsieb tal-partitarji Ġorġjani li għexu qabilna u tħabtu biex għaddewlna dan il-wirt prezzjuż li jmiss lilna li nħarsu u nkabbru.
 
Mill-paġni ta’ dan is-sit elettroniku, li dejjem aktar qed jilħaq lill-partitarji u l-ammiraturi tas-Soċjetà La Stella fil-gżejjer tagħna u lil hinn, il-President tas-Soċjetà La Stella Dr Joseph Grech, il-kumitat, il-bandisiti u s-surmast il-Prof. Joseph Vella jixtiequ jwasslu l-awguri sinċiera għal sena ġdida mimlija sliem u suċċessi.