IS-SOĊJETÀ FILARMONIKA LA STELLA F’ LEJLET LAPSI
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-pilastri ewlenin li jsawwruha:
il-Banda, il-Festa u t-Teatru.
Huma tabilħaqq dawn it-tliet pilastri li magħhom iddur ħidmet is-Soċjetà LaStella, u huwa proprju permezz tagħhom li din ir-realtà hija waħda ħajja, u ħajja matul is-sena kollha. Dan kollu u aktar se jkun espost għall-pubbliku ġenerali f’wirja ta’ opri mużikali, artistiċi u storiċi li se tkun qed tinżamm fil-foyer tat-Teatru Astra matul it-tlett ijiem ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana, jiġifieri bejn il-Ġimgħa 10 u l-Ħadd 12 ta’ Mejju 2013. Fil-wirja wieħed se jkun jista’ jammira l-ġmiel ta’ opri konnessi mal-banda ċittadina u dekana La Stella, mal-festa ta’ San Ġorġ u mat-Teatru Astra, materjal interessanti li kkontribwixxa fit-tiswir tas-Soċjetà fuq medda ta’ 150 sena u aktar tal-istorja tagħha. Permezz tagħha, wieħed se jkun jista’ japprezza b’mod aktar tanġibbli l-ħidma ta’ tant u tant bandisti, soċji, partitarji u ammiraturi tagħha li b’imħabbithom, espressa fil-ħidma ta’ jdejhom u l-offerta ta’ flushom, ittrasformaw lil din ir-realtà f’benefattriċi ewlenija ta’ dak kollu li huwa kulturali fi gżiritna.
Merħba f’darna! – Open Weekend fit-Teatru Astra
Iva, merħba f’darna, mhux għax se tidħlu fiha għall-ewwel darba, imma għax darna – li hija tabilħaqq dar għal kull min għandu għal qalbu l-kultura għolja – se tkun aċċessibbli f’jiem li mhumiex neċessarjament marbuta ma xi produzzjoni teatrali. Wieħed se jkollu l-opportunita’ li jżur l-istess imkien li laqa’ fih artisti kbar bħal Raffaella Carra, l-Goggi Sisters, The Platters, Bobby Solo, Osibisa, l-Montparnasse Ballet Troupe, Nek, il-Ballet Classique de Paris u, aktar riċentement, Amadeo Minghi. Kull min iżur it-Teatru Astra fil-jiem ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana se jkollu l-opportunita’ li jammira l-ġmiel tiegħu, il-ġmiel li diġa’ ammiraw uħud mill-aqwa artisti mid-dinja tal-Opra li kantaw fih bl-istess mod li bih kantaw fl-aqwa teatri fid-dinja, fosthom it-Teatru Metropolitan ta’ New York, il-La Scala ta’ Milan, l-Arena di Verona u t-Teatru Statali ta’ Sofia fil-Bulgarija. Minbarra dan, wieħed se jkun jista’ japprezza l-kostumi li ntużaw fih mit-tenur Malti ta’ fama mondjali Joseph Calleja, li ta bidu għall-karriera operistika tiegħu fit-Teatru Astra fl-1997, u minn kantanti kbar bħalma huma Ghena Dimitrova, Giuseppe Giacomini, Pamela Kucenic, Aldo Protti, Dimitra Theodossiou u Daniela Dessì.
Ejjew oqogħdu!
Matul dawn it-tlett ijiem, bejn il-Ġimgħa 10 u l-Ħadd 12 ta’ Mejju, is-sede uffiċċjali tas-Soċjeta Filarmonika La Stella se tkun qed tinbidel f’vetrina tal-prodott artistiku tagħha. L-istedina tas-Soċjeta’ lilkom ilkoll li ssegwu s-sit elettroniku tagħha tibqa’ dejjem: ejjew oqogħdu!