IS-SITT EDIZZJONI TAL-FESTIVAL KANTAMAGĦNA FIT-TEATRU ASTRA
Nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar 2025, DCapitals Big Band ser jippreżentaw is-sitt edizzjoni tal-Festival Kantamagħna ġewwa t-Teatru Astra f’Għawdex. Il-festival huwa miftuħ għal kantanti bejn il-11 u l-35 sena. 30 kantant/a ġew magħżula wara proċess ta’ awdizzjonijiet li seħħew f’Novembru li għadda. Dawn il-finalisti ġew maqsuma f’żewġ kategoriji skont l-età tagħhom: 15-il kantant/a bejn il-11 u l-15-il sena ser ikunu qed jieħdu sehem f’Kantamagħna Junior, filwaqt li 15-il kantant ieħor ser ikun qed jieħu sehem fil-Festival Kantamagħna għal kantanti bejn 16 u 35 sena.
Il-kantanti kollha ser ikunu akkumpanjati b’live big band taħt id-direzzjoni tas-Surmast George Apap. Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija ser jingħataw trofej filwaqt li r-rebbieħ tal-festival ta’ bejn is-16 u l-35 sena ser jingħata esperjenza ta’ sena ma’ DCapitals Big Band fejn ikollu l-opportunità li jieħu sehem fid-diversi kunċerti li jkollha l-band kemm f’Malta u anke barra minn xtutna.
Kantamagħna huwa ppreżentat bis-sapport tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Il-festival jibda fis-7.30pm u d-dħul għalih huwa mingħajr ħlas.


