Join Us On:

News Archive

IS-SEBA’ EDIZZJONI TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA

Nhar it-Tnejn li għadda s-Soċ. Filar. La Stella tat bidu għal Festival Mediterranea li wasal fis-seba’ edizzjoni tiegħu. Dan il-festival kulturali li jiġbed lejn gżiritna numru kbir ta’ Maltin u turisti fetaħ b’waħda minn sensiela ta’ site visits fil-bażilika ta’ San Ġorġ Martri fil-qalba tal-belt t’Għawdex – maqdes ġawhra bi storja kbira. Għal din is-site visit attendew numru sabiħ ta’ turisti barranin li fil-maġġoranza tagħhom kienu Ġermaniżi, li ġew apposta fi gżiritna għal Festival Mediterranea. Numru sabiħ minn dawn it-turisti Ġermaniżi ser jattendu wkoll għall-ewwel rappreżentazzjoni ta’ l-opra lirika Turandot li ser issir għada fit-Teatru Astra.

Il-festival ikompli llejla, kif għidna, bl-ewwel minn żewġ rappreżentazzjoni tal-opra Turandot ta’ Puccini. Proprju l-bieraħ filgħaxija saret l-aħħar prova ġenerali fit-teatru taħt għajnejn id-direttur artistiku Taljan Mario Corradi. Għal dan id-direttur artistiku din ser tkun it-tieni esperjenza tiegħu fit-teatru tagħna, wara s-suċċess kbir li nkiseb is-sena li għaddiet bl-opra Verdjana Macbeth. L-istess nistgħu ngħidu għas-sopran Taljana Francesca Patane’, li ser tinterpreta r-rwol prinċipali ta’ Pricipessa Turandot. Din ukoll ser tagħmel it-tieni dehra tagħha fit-teatru Astra wara l-wirja impekkabbli tagħha bħala Lady Macbeth fl-opra Macbeth. Fost is-solisti nsibu wkoll lis-sopran Għawdxija Miriam Cauchi, Antonino Interisano, Franco de Grandis, Marco Chingari, Giovanni Maini, Davide Malandra, Mario Portelli u Kevin Caruana. Ix-xenarju għal darb’oħra ġie fdat f’idejn l-artist tagħna Joseph Cauchi li kien mgħejjun minn numru sabiħ ta’ żgħażagħ membri fi ħdan l-Għaqda tal-Armar u ta’ l-Għaqda Zgħażagħ tas-Soċ. Filar. La Stella.

F’din l-akbar produzzjoni teatrali għal din is-sena fit-teatru tagħna qed jieħu sehem kast kbir li jinkludi l-kor tat-teatru li għal darb’oħra ġie fdat fl-idejn esperti ta’ Dr Maria Frendo. L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ser tkun taħt id-direzzjoni tal-Professur Joseph Vella. L-opra Turandot qed tittella’ għat-tieni darba fit-teatru tagħna wara s-suċċess ta’ l-1995. Din hija l-25 opra lirika li qed tittella’ fit-Teatru Astra, mill-1978 ‘l hawn. Intant ma fadal xejn ħlief li nawguraw suċċess ieħor lis-solisti, il-mużiċisti u l-kast kollu, kif ukoll lid-direttur mużikali u dak artistiku. M’għandniex dubju li s-serata tal-lejla ser tkun waħda oħra indimentikabbli – produzzjoni oħra ta’ l-ogħla livell bħal dejjem fit-teatru ewlieni ta’ gżiritna: it-Teatru Astra.