Join Us On:

News Archive

IRREKORDJATI L-INNIJIET TA’ SAN PAWL

Fuq inizzjattiva tal-Parroċċa ta’ San Pawl fil-Munxar u tal-kappillan il-Kan. Tonio Galea, il-bieraħ il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ irrekordjat erba’ innijiet tal-patrun ta’ dan ir-raħal. Peress li din hija sena speċjali għall-Pawlini, ġie deċiż li għall-ewwel darba jiġu rrekordjati dawn l-innijiet. L-innijiet rekordjati jinkludu bla dubju l-innu l-kbir, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella, miktub fl-1965 u li dejjem indaqq fil-ħruġ tal-purċissjoni mill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’. Barra dan l-innu ġew irrekordjati l-innu marċ, kompożizzjoni ta’ Mro Vincenzo Ciappara, u żewġ innijiet reliġjużi ġodda li ser jiżżanżnu din is-sena kompożizzjonijiet tal-Prof. Joseph Vella u ta’ Loreanne Farrugia.

Dawn l-innijiet issa ser joħorġu għall-bejgħ fuq CD, fl-okkażjoni tal-festa ad unur San Pawl, iċċelebrata fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju fir-raħal ċkejken tal-Munxar – raħal marbut sew mas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ u mal-knisja Proto-Parrokkjali ta’ San Ġorġ.

L-istess bħas-snin l-imgħoddija l-banda ‘La Stella’ tiftaħ l-impenji Sajfin tagħha f’din il-festa, il-Ħadd 27 ta’ Mejju, meta tagħmel marċ qabel il-purċissjoni, iddoqq l-innu l-kbir fil-ħruġ tal-purċissjoni u wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Il-festa tal-Munxar tiftaħ l-istaġun tal-festi fil-gżira Għawdxija, staġun li jġib bosta impenji għall-banda dekana ta’ beltna.

12/05/2008