Join Us On:

News Archive

IRREKORDJAT L-EWWEL SETT TA’ MARĊI

Nhar il-Ħadd 25 ta’ April, il-banda ċittadina La Stella rrekordjat l-ewwel sett ta’ marċi brijużi mill-pinna tas-surmast direttur tagħha: il-Professur Joseph Vella. Kif konna semmejna aktar kmieni fuq dan is-sit, fl-okkażjoni tal-erbgħin anniversarju minn meta l-Prof. Vella laħaq surmast direttur tal-banda, is-Soċjeta’ għażlet li toħroġ double album li jiġbor fih il-marċi brijużi miktuba mill-istess surmast. 

Fil-fatt nhar il-Ħadd li għadda, ġew irrekordjati disa’ marċi mill-isbaħ, li wieħed minnhom huwa wkoll ġdid u ser jiżżanżan fil-festa ta’ San Ġorġ f’ Lulju li ġej. Il-kumplament tal-marċi ser jiġu rrekordjati nhar il-Ħadd li ġej, u b’hekk il-marċi kollha tas-surmast Vella jkunu ġew irrekordjati kollha.

Jifdal imbagħad li jiġu rrekordjati l-marċi brijużi tal-festa: marċi li jkunu miktuba minn kompożituri varji – li jiġu mżanżna fid-dimostrazzjoni tal-ewwel jum tat-tridu u jibqgħu jindaqqu matul is-sena matul is-servizzi numerużi li jkollha l-banda. Dawn il-marċi ser jiġu rrekordjati nhar il-Ħadd 6 ta’ Ġunju.

Aktar dettalji fuq id-double album ta’ marċi brijużi tal-Prof. Joseph Vella ‘il quddiem.