Join Us On:

News Archive

IRREKORDJAT IS-SETT IL-ĠDID TA’ MARĊI FUNEBRI

Nhar il-Ħadd li għadda, il-banda ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof Joseph Vella, irrekordjat is-sett il-ġdid ta’ marċi funebri li ser jindaqqu matul il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-belt Victoria li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ Martri. Dan kien l-ewwel impenn tas-sena 2010 għall-bandisti tagħna. 

Is-sett il-ġdid ta’ marċi funebri jinkludi ħdax-il marċ mill-pinna ta’ kompożituri varji – ma jonqsux kompożizzjonijiet tas-surmast Vella, kif ukoll tal-ex surmast tal-banda La Stella Giuseppe Giardini Vella. Il-lista sħiħa ta’ marċi titħabbar b’mod uffiċjali fuq din il-websajt fil-ġimgħat li ġejjin meta joħroġ għall-bejgħ is-CD il-ġdid ta’ marċi funebri (Vol. 22). 

Il-marċi ġew irrekordjati  bħas-soltu fuq il-palk spazjuż tat-Teatru Astra. Għal darb’oħra r-rekording ġie fdat f’idejn John Cauchi ta’ PRO Studios. Ix-xogħol mexa b’mod tajjeb ħafna u l-banda kienet f’vena tajba mill-bidu sa tmiem ir-rekording. Rekordings bħal dawn jirrekkjedu ħafna attenzjoni minn kull sezzjoni tal-banda biex il-prodott finali jkun wieħed mill-aqwa. Ir-riżultat kien wieħed tajjeb u kulħadd kien sodisfatt bil-wirja li tat il-banda. Għal din is-sena wkoll il-banda La Stella ser tippreżenta sett ieħor mill-isbaħ li żgur ser jinżel tajjeb għall-dawk id-dilettanti kollha tal-marċi.