IRREKORDJAT IS-SETT ĠDID TA’ MARĊI FUNEBRI
Il-bieraħ, il-banda ċittadina u dekana tal-belt Victoria, irrekordjat is-sett ġdid ta’ marċi funebri li mistenni joħroġ għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin. Is-sett ġdid ser jinkludi ħdax-il marċ funebri mill-pinna ta’ kompożituri varji. Fost dawn il-marċi, li ser inħabbruhom uffiċċjalment fil-jum li fih is-CD joħroġ għall-bejgħ, insibu kompożizzjonijiet mill-isbaħ tas-surmast Joseph Vella li huma lkoll ġodda u oħrajn ta’ Giuseppe Giardini Vella. Barra dawn hemm ukoll żewġ kompożizzjonijiet oħra ġodda u oħrajn li nħarġu mill-arkivju tas-Soċjetà u li ndaqqu matul is-snin fl-eqdem purċissjoni tal-passjoni li qatt eżistiet fi gżiritna – dik li toħroġ mill-knisja proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri fil-qalba ta’ belt Victoria.
Il-banda “La Stella” kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Vella, filwaqt li r-rekording kien f’idejn is-Sur John Cauchi ta’ PRO Studios. Tul ir-rekording li sar fuq il-palk ferm spazzjuż tat-Teatru Astra, kien hemm preżenti diversi membri tal-kumitat, u bosta ammiraturi tal-banda tagħna. Kien hemm preżenti wkoll id-direttur spiritwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Mons. Ġużeppi Farrugia, u qabel ingħata bidu għar-rekording għamel messaġġ qasir lill-bandisti fejn awguralhom il-ħidma t-tajba. Ix-xogħol mexa b’mod tajjeb ħafna u l-banda kienet f’forma tajba mill-bidu sa tmiem ir-rekording. Rekordings bħal dawn jirrekkjedu ħafna attenzjoni minn kull sezzjoni tal-banda biex il-prodott finali jkun wieħed mill-aqwa. Ir-riżultat kien wieħed tajjeb u dan deher ukoll fuq wiċċ is-surmast li kien ferm sodisfatt bil-wirja li tat il-banda. Għal din is-sena wkoll il-banda “La Stella” ser tippreżenta sett ieħor mill-isbaħ li żgur ser jinżel tajjeb għall-dawk id-dilettanti kollha tal-marċi. Dan is-sit, ser ikompli jgħaddilkom aktar informazzjoni dwar is-sett ġdid ta’ marċi funebri fil-jiem li ġejjin.