Join Us On:

News Archive

IR-RIĊERKA DWAR L-ISTORJA TAS-SOĊJETÀ

Għeżież bandisti, soċji u partitarji tal-Istilla,

Biex inżommu mal-kelma li tajniekom fl-iStqarrija tagħna tat-23 ta’ April 2013, sejrin nagħtukom l-ewwel aġġornament dwar l-andament tar-riċerka li għaddejja bħalissa fuq l-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.

Ftit tal-ġimgħat ilu ntemm l-iskrutinju fuq l-arkivju mużikali tas-Soċjetà tagħna li llum il-ġurnata huwa miġbur f’partijiet differenti tal-Każin.  Minn dan l-istħarriġ ħarġu tliet punti importanti:

  • L-arkivju mużikali tas-Soċjetà La Stella huwa wieħed tabilħaqq għani, speċjalment fejn tidħol mużika qadima.  Il-kwantità ta’ partituri u biċċiet rispettivi tal-mużika li jmorru lura snin kbar hija waħda verament notevoli.
  • Għal xi raġuni jew oħra, ħafna mill-materjal antik li jinsab fl-arkivju mużikali tas-Soċjetà qatt ma ġie mgħarbel jew talinqas indikat f’xi pubblikazzjoni.  Anzi, tant tħalla mwarrab u mitluq għal snin twal, li xi ftit jew wisq ġarrab xi ħsara li f’ċerti każi tista’ titqies irreparabbli.
  • Għall-fini ta’ storja, dawn is-sorsi primarji huma għal kollox “ġodda”, billi probabbilment qed jerġgħu jaraw id-dawl tax-xemx wara għexieren ta’ snin, u għalhekk ħa jgħinu qatigħ fl-analiżi kontemporanja ta’ ġrajjiet is-Soċjetà tagħna.

Barra minn hekk, bid-dokumentazzjoni li għandna f’idejna u bir-riċerka li saret s’issa, inħossu li f’dan il-mument partikulari nistgħu nagħmlu ċerti osservazzjonijiet ta’ natura storika li iktar ’il quddiem ikollna l-okkażjoni li niżviluppaw fid-dettall.

  1. Il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar 1881 li sar għand in-Nutar Onorato Giovanni Refalo ma jikkonċernax it-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, iżda huwa biss ftehim bejn żewġ partijiet distinti minn xulxin – min-naħa l-waħda s-Surmast Anton Buhagiar (1861-1932) u min-naħa l-oħra għoxrin bandist – fuq diversi kundizzjonijiet li kellhom jibdew jiġu mħarsa mill-firmatarji bl-għan li l-operat tas-Soċjetà Filarmonika tagħhom ikun wieħed solidu.  Fil-fatt jidher li l-kuntratt kien riżultat ta’ riforma fl-istruttura u t-tmexxija tas-Soċjetà pre-eżistenti li issa mhux biss kellha dehra iżda wkoll identità ġdida, dik ta’ La Stella.
  1. Kif jixhed l-imsemmi kuntratt, il-“famuża” antica società mhija ħadd għajr is-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Għaldaqstant, qed issir riċerka f’dan ir-rigward sabiex jiġi stabbilit il-qedem tas-Soċjetà La Stella.
  1. Mhuwiex minnu li s-Surmast Anton Buhagiar waqqaf is-Soċjetà La Stella fl-1880.  Huwa kien biss surmast direttur tal-Banda La Stella.
  1. Ir-rabta tal-Perit Pietru Attard (1835-1916) mal-Banda La Stella tmur lura sew qabel l-1881.  Fl-arkivji tas-Soċjetà La Stella isem Pietru Attard jidher kemm qabel u kemm wara l-1881, b’mod partikulari fejn tidħol mużika għall-Banda.
  1. Pietru Attard għamel żmien idoqq il-flawt u l-mużika kien jafha tajjeb.  Tant hu hekk li l-arkivju mużikali tas-Soċjetà La Stella huwa miżgħud b’partituri u b’partijiet tal-mużika mħejjija għall-Banda La Stella b’reqqa liema bħalha minn Pietru Attard.

Bla ebda dubju jeħtieġ iktar żmien għal riċerka ulterjuri biex jiġu mgħarbla aktar aspetti tal-istorja glorjuża tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.

Filwaqt li nwegħdukom li nkomplu nwasslulkom aktar aġġornamenti fiż-żmien opportun, nibagħtulkom it-tislijiet tagħna u nixtiqulkom il-Festa t-Tajba.

Viva San Ġorġ!

Il-Kumitat Ġenerali Soċjetà Filarmonika La Stella