Join Us On:

News Archive

IR-RELIKWA TAD-DRIEGĦ TA’ SAN ĠORĠ

JMJ_8502

Fl-okkażjoni tal-175 anniversarju ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ, l-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex, imnaqqxa fl-injam minn Pietru Pawl Azzopardi fl-1839, il-komunità parrokkjali Ġorġjana tal-Belt Victoria sa tkun qed tilqa’, għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin, ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ, li sa tinġab apposta għall-okkażjoni mill-Abbazija Benedittina ta’ San Giorgio Maggiore, fil-belt ta’ Venezja, l-Italja, wara talba li l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel lil Norberto Villa, Abbati ta’ Praglia u San Giorgio Maggiore.

Diġà fl-1984 u l-2003, fl-okkażjoni ta’ żewġ ċentinarji differenti marbuta mal-ħajja tal-qaddis Patrun ta’ Għawdex, kienet inġabet minn Ruma l-aktar relikwa għażiża ta’ San Ġorġ, dik tal-Qorriegħa tal-qaddis miżmuma fil-Bażilika Djakonali tal-Velabro.  Din ta’ Venezja, wara eżami xjentifiku fuq diversi relikwi li sar fl-1978 fl-Istitut Antropoloġiku ta’ l-Università ta’ Bologna, hi wkoll meqjusa bħala waħda mill-ftit relikwi awtentiċi u prestiġjużi tal-qaddis martri tar-raba’ seklu b’kult mifrux qatigħ, li ngħata l-qtugħ ir-ras aktarx fin-Nikomedija fil-Persekuzzjoni l-Kbira ta’ Djoklezjanu, u li l-qabar tiegħu jinsab f’Lidda, il-lum f’Israel.

Skond tagħrif li waslilna, din ir-relikwa għażiża, fejn mad-driegħ tal-qaddis għadhom jidhru wkoll il-pala ta’ l-id ix-xellugija u s-swaba’, diġà kienet meqjuma fil-Monasteru ta’ San Giorgio di Fiore fil-Kalabrija sa mill-1255.  Wara li ġiet salvata minn taħt idejn il-pirati barbari f’attakk fuq il-post, fl-1296 ittieħdet f’purċissjoni solenni lejn il-gżira ta’ San Giorgio Maggiore, fejn tinsab il-lum fl-Abbazija Benedittina ddedikata lill-istess qaddis.

Ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ sa żżur il-Gżejjer Maltin bejn l-14 u l-20 ta’ Lulju 2014, akkumpanjata minn erba’ monaċi Benedittini ta’ l-istess Abbazija.  Wara l-waqfa tagħha fil-parroċċa Ġorġjana ta’ Ħal Qormi, fejn se tingħata merħba t-Tnejn 14 ta’ Lulju, hekk kif tasal Malta mill-Italja, ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ mistennija tasal Għawdex it-Tlieta 15 ta’ Lulju, fejn l-ewwel waqfa tagħha tkun fir-Rotunda tax-Xewkija, ir-raħal li mija u ħamsa u sebgħin sena ilu laqa’ l-istatwa titulari ġdida ta’ San Ġorġ fi triqtha lejn il-Belt Victoria.

Dak in-nhar, fis-7.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, flimkien mal-Kapitlu u l-kleru Ġorġjan, jilqa’ r-Relikwa f’salib it-toroq fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, u dritt wara ssir Translazzjoni Pontifikali biha lejn il-Bażilika Ġorġjana, akkumpanjata mill-Banda Ċittadina La Stella b’innijiet reliġjużi.  Hi tiġi milqugħa fi Pjazza San Ġorġ b’indirizz ta’ merħba mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona.  Fit-8.00pm, imbagħad, tinżamm fil-Bażilika ta’ San Ġorġ Velja Ekumenika Solenni ppreseduta mill-Isqof ta’ Għawdex, flimkien ma’ l-Em.T. Gennadios Zervós, Metropolita ta’ l-Arċidjoċesi Griega Ortodossa ta’ l-Italja u Malta, u l-Kan. Simon Godfrey, Kanċillier tal-Komunjoni Anglikana f’Malta u Għawdex.  Dak in-nhar, ir-Relikwa tibqa’ esposta fil-Bażilika għall-qima tal-fidili sa nofs il-lejl.

Kemm ħa ddum Għawdex, ir-Relikwa tad-Driegħ ta’ San Ġorġ ħa żżur l-Istpar Ġenerali ta’ Għawdex, il-kunventi tar-reliġjużi, u d-djar tal-morda u l-anzjani.  Hi ħa tkun esposta wkoll għall-qima tal-fidili fil-knejjes ta’ San Franġisk, tar-Ragħaj it-Tajjeb u ta’ Santu Wistin, dejjem fil-Belt Victoria, fil-Quddies ta’ fil-għodu fis-16, is-17 u t-18 ta’ Lulju rispettivament.  Fil-fatt, nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju, fin-nofs ta’ nhar ta’ fil-għodu, saċerdoti tal-parroċċa jkunu disponibbli biex jakkumpanjaw ir-Relikwa fid-djar privati tal-morda u l-anzjani, u għalhekk, dawk li jixtiequ, jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċċju Parrokkjali (2155 6377).

Fil-ħinijiet l-oħra, speċjalment waqt it-Tridu Solenni fil-Bażilika, ir-Relikwa tkun esposta solennement quddiem l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ.

Ir-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ sa tinġarr ukoll fil-Purċissjoni Pontifikali ta’ San Ġorġ, nhar il-Festa, il-Ħadd 20 ta’ Lulju, fis-7.00pm, li tkun ippreseduta mill-E.T. Mons. Salvatore di Cristina, Arċisqof Emeritu ta’ Monreale, u akkumpanjata b’innijiet reliġjużi mill-Banda Ċittadina u Dekana La Stella.

banner Relikwa     Ir-Relikwa tad-Driegh ta' San Gorg

(Ritratt ta’ fuq: Joe Attard)