Join Us On:

News Archive

IPPUBBLIKATA R-RIVISTA “TA’ L-ISTILLA”

Għadha kif ġiet ippubblikata l-ħarġa t’Awissu, tar-rivista “Ta’ L-Istilla”, ir-rivista uffiċjali maħruġa mis-Soċjetà Filarmonika “La Stella”. Fil-ħarġa speċjali ta’ wara l-festa, insibu tmien paġni bil-kulur, b’ritratti u artikli dwar il-festa ta’ San Ġorġ. Fl-ewwel paġna jiddomina t-titlu “Festa ta’ Poplu”, l-isem ta’ l-artiklu prinċipali li jagħti ħarsa fid-dettal lejn il-festa li għadha kif għaddiet. Fl-ewwel paġna wkoll wieħed isib artiklu dwar is-servizzi kollha li kellha l-banda fl-istaġun ferm impenjattiv tal-festi ta’ din is-sena, b’ritratti tal-patruni kollha tal-festi li l-banda tagħna ġiet mistiedna għalihom.

Fl-Editorjal li jġib it-titlu “M’hemmx paraguni”, l-editur għoġbu jagħti ħarsa wkoll lejn il-festa prinċipali ta’ beltna. Ma jonqsux in-numru kbir ta’ ritratti, kollha bil-kulur tal-festa tagħna. Hawn irridu nirringrazzjaw lill-fotografu uffiċjali ta’ din ir-rivista, is-sur Joe Attard, tar-ritratti mill-isbaħ li tana, u li dejjem jagħti b’risq il-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà tagħna. Fl-aħħar paġni tar-rivista, ma naqasx li nagħtu ħarsa lejn il-Programm ta’ Jum il-belt Victoria, li l-banda “La Stella” għamlet flimkien mal-banda l-oħra ta’ beltna – programm li ntemm fuq nota ħażina, wara li l-banda “Leone” għoġobha tikser kull ftehim li sar bejn id-diriġenti taż-żewġ soċjetajiet flimkien mas-Sindku u l-kunsilliera. Dan mhux qed ngħiduh aħna biss. Fil-fatt f’paġna numru ħdax ġiet ippubblikata r-risposta li s-sindku ta, wara dak li ġara f’jum li suppost kellu jsaħħaħ l-għaqda bejn iż-żewġ soċjetajiet f’beltna. Tingħata ħarsa wkoll lejn il-Programm li daqqet il-banda tagħna, li f’din l-okkażjoni ġiet ukoll mogħtija l-Onorifiċenza “Ġieh il-belt Victoria”.

Kopji ta’ din ir-rivista tqassmu b’xejn mal-bulettin tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra ma rċivewx kopja, nitolbukom tikkuntattjaw lil xi membri mill-bord editorjali, jew membri tal-kumitat tas-Soċjetà.