Join Us On:

News Archive

IPPUBBLIKATA R-RIVISTA “TA’ L-ISTILLA”

Fi tmiem il-ġimgħa, ġiet ippubblikata r-rivista uffiċċjali tas-Soċjetà tagħna: “ta’ l-iStilla” – ħarġa numru 27. Din l-ewwel pubblikazzjoni għas-sena 2008, qed tagħti ħarsa lejn okkażjonijiet speċjali li għaddejna minnhom fl-aħħar xhur tas-sena 2007, fosthom il-ħatra ta’ arċipriet ġdid tal-parroċċa tagħna; it-telfa ta’ Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu tal-bażilika u kappillan tal-banda “La Stella”; il-ħatra ta’ Mons. Ġużeppi Farrugia bħala direttur spiritwali tas-Soċjetà tagħna; il-Programm Mużikali annwali mtella’ mill-banda tagħna; u s-sitt edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Marbuta ma’ Festival Mediterranea hemm sett sabiħ ta’ ritratti bil-kulur mill-opra “Macbeth”, tal-fotografu Joe Attard. Barra minn hekk f’din il-ħarġa hemm miġbur ukoll djarju tal-attivitajiet li s-Soċjetà “La Stella” għaddiet minnhom fis-sena 2007.

L-editorjal li ġab l-isem “Inħarsu ’l quddiem”, filwaqt li rrefera għal numru t’okkażjonijiet li ġraw fl-2007, ta ħarsa lejn dak li ġej fis-sena li għadna kif bdejna. Fost dawn, din is-sena ser niċċelebraw l-40 anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tat-Teatru Astra, u l-festi l-kbar assoċċjati mal-50 anniversarju minn meta l-knisja proto-parrokkjali ta’ beltna ħadet it-titlu ta’ bażilika – festi li s-Soċjetà tagħna flimkien mal-komunità parrokkjali qed nippreparaw għalihom bil-kbir.

Minn din il-paġna nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li għoġobhom jirrekklamaw fuq ir-rivista tagħna: Herbees Diner; Ta’ Golina Supermarket; Vajringa Supermarket; FXB; UDS; Red Cafe’; Silhoutte Light Shop; George Farrugia & Sons – Ta’ l-Orjenti; u Pascal’s Woodworks.

Ir-rivista tqassmet mal-bullettini tal-parroċċa lil kull familja membru fil-komunità parrokkjali Ġorġjana. Dawk li jixtiequ jakkwistaw kopja ta’ din ir-rivista għandhom jikkuntattjaw lil xi membru tal-kumitat jew lill-editur permezz ta’ l-email [email protected]