INTERESS KBIR GHALL-OPRA MADAMA BUTTERFLY
Huwa ta’ pjaċir ninnutaw li l-interess fl-opra li se ssir f’Ottubru li ġej Madama Butterfly, qiegħed dejjem jikber. F’dawn l-aħħar ġimgħat irċevejna ħafna talbiet għal informazzjoni dwar l-opra li se ssir fit-Teatru Astra bħala waħda mill-attivitajiet ta’ Festival Mediterranea 2012.
Għal parti prinċipali din is-sena ġiet ingaġġata s-sopran Daniela Dessi, isem rinomat fil-qasam tal-opra. Daniela Dessì, li s’issa kantat fl-aqwa teatri tal-opra madwar id-dinja inkluż fit-teatru La Scala f’Milan, fit-Teatro dell’Opera f’Ruma, fl-Arena ta’ Verona, fil-Metropolitan fi New York, fit-teatru Lyric Opera ta’ Chicago, f’Teatro Real ta’ Madrid kif ukoll f’Tokjo, fil-Gappun, taħt direzzjoni mużikali tal-aqwa surmastrijiet fosthom Riccardo Muti, Claudio Abbado, James Levine u oħrajn, hi kkunsidrata bħala waħda mill-aqwa stilel li toffri d-dinja tal-opra bħalissa.
Aħna persważi li bħalma ġara fil-passat l-opra ta’ din is-sena se tkun waħda ta’ livell għoli, u permezz tagħha t-Teatru Astra se jkun qiegħed iżid ħolqa oħra fil-kullana ta’suċċessi.
Il-Booking hu miftuħ għaż-żewġ serati tal-opra Madama Butterfly sewwasew fil-25 u fis-27 ta’ Ottubru. Iktar informazzjoni tinkiseb minn www.mediterranea.com.mt jew [email protected] jew 21550985 / 79256897.
(Ritratti: Joe Attard)