INSELLMULEK, POETA TAGĦNA
Kont taħsbek qiegħed fl-aħħar tal-pontifikal ta’ San Ġorġ ta’ Lulju l-bieraħ fil-għaxija, fi tmiem funeral tabilħaqq solenni li sar għal ruħ il-Kan. Joe Mejlak, li ħalla dan il-wied ta’ dmugħ qabel it-tbexbix tax-xemx tal-Ħamis 18 ta’ Diċembru 2008, fid-dar ta’ Consiglia Grech fi Triq il-Librerija, ir-Rabat. Dan għax il-kor Laudate Pueri tal-bażilika ta’ San Ġorġ ġustament għażel li jsellem lill-Kanonku Mejlak bil-kliem ta’ wieħed mill-isbaħ innijiet li ħarġu mill-pinna tiegħu f’ġieħ il-patrun tagħna San Ġorġ, Georgius natus est, immużikat mill-Prof. Mro Joseph Vella. Min hu Ġorġjan jafha t-tbaqbiqa tad-demm fil-vini tiegħu meta jisma’ l-ewwel nota ta’ dan l-innu, li kliemu jirrifletti bil-qawwa kollha l-imħabba qawwija ta’ l-awtur għal San Ġorġ, bħal sentiment wieħed li jiġbor fih dak tal-poplu kollu tagħna. U hekk hu, min jaf lill-Kan. Joe Mejlak ma jafux b’mod ieħor ħlief bħala “il-poeta Ġorġjan”. Meta kiteb l-aħħar innu kbir tiegħu lil San Ġorġ, Dejjem f’qalbna, kien qed jagħmel dikjarazzjoni sempliċi ta’ dak li tabilħaqq kien hemm f’qalbu: Ġorġi tiegħu u tagħna. U issa hu jinsab igawdih fis-sema, fil-ferħ ta’ l-anġli u l-qaddisin quddiem il-viżjoni beatifika ta’ Alla magħmul bniedem, Alla mimli mħabba li f’dawn il-jiem li fihom il-Knisja qed tiċċelebra l-Inkarnazzjoni tiegħu għoġbu jsejjaħ lil dan il-poeta tiegħu fil-ferħ tas-sema, biex jiċċelebra miegħu l-Milied dejjiemi ta’ hena bla tmiem.
Il-miġemgħa li ma ħallietx rokna vojta fil-bażilika urbana l-bieraħ tkellmet waħidha għal min kien – u min hu – il-Kan. Joe Mejlak. Hu l-poeta li l-poeżija ma rriservahiex biss għall-karta imma bidilha f’ħajtu kollha, li saret għanja ferrieħa lill-Mulej, mhux nieqsa mit-tbatija, imma mqawwija bil-faraġ ta’ Alla li jissupera x-xewk kollu qalb il-ward tal-ħajja. In-noti ta’ din il-poeżija twila ta’ ħajtu ħarġu ħelwin ma’ kull linja tan-nifs tiegħu, li bih qanqal b’sens ta’ ottimiżmu u ħlewwa lil dawk kollha li għamluha miegħu… dawk li jiftakruh fuq il-bankijiet ta’ l-iskola u miegħu daħku u bkew il-ħolm taż-żgħożija, dawk li mxew miegħu fit-triq tal-formazzjoni li wasslitu sa fuq l-altar, dawk li minn taħtu ħarġu ċittadini tajbin bl-edukazzjoni responsabbli li nissel fihom, dawk li ggustaw sa l-inqas tikka tal-poeżija għanja u profonda tiegħu, dawk li daħlu sew fil-parti tagħhom fid-drammi mimlija tagħlim li kiteb, dawk li sfaw vittmi tad-dmugħ ħiereġ minn għajnejhom huma u jkantaw b’ħeġġa m’hix tas-soltu l-innijiet tiegħu, imma fuq kollox dawk li daqu mill-benna taż-żelu pastorali tiegħu.
Dan hu ż-żelu ta’ ħaddiem ħawtiel fl-għalqa tal-Mulej: xerred bi kliemu, b’kitbietu imma wkoll bl-eżempju tiegħu l-imħabba lejn il-Mulej tiegħu. Aħna li għadna żgħar qrajnieh dan l-eżempju ta’ l-għaġeb fil-mod sieket li bih iffaċċja t-tbatija ta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu, mod tassew Kristjan għax umli u riġlejh ma’ l-art. Kont tħares fuq wiċċu u bilkemm ħjiel ma jikxiflek ta’ ġranet sħaħ fir-Renal Unit ta’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, taħt it-trattament tad-dijalisi li farrket il-qamħa ta’ ħajtu sakemm ġabitha frak tal-ħobż li jittiekel u jaħji. Is-sofferenza waqfilha bl-umoriżmu karatteristiku tiegħu, li ma kienx jużah biss f’xi kummiedja jew radjudramm li jikteb, imma wkoll fl-esperjenza l-iżjed radikali tal-ħajja ta’ kuljum. Imma jekk dan kollu hu minnu kif jixhed għalih min jafu, hu wisq iżjed minnu l-ġid li ħareġ mis-sigħat twal ta’ disponibbiltà li qatta’ fis-smigħ tal-Qrar. Ir-rotta tiegħu kienet waħda: dar – sptar – San Ġorġ; jekk ma kienx ikun id-dar kien ikun l-isptar, u jekk ma kienx ikun l-isptar kien ikun San Ġorġ, minsub dejjem fuq dak is-siġġu maġenb “l-uffiċċju ta’ Dun Feliċ”, lest biex jisma’, jagħder u jaħfer. Anki l-Papa Benedittu XVI, kif stqarr magħna s-segretarju tiegħu Mons. Alfred Xuereb, nepputi tal-Kan. Mejlak, stagħġeb bil-mod li bih kien imur mal-penitenti tiegħu, mod li kien jiġbed iżjed u iżjed fidili biex mingħandu jilqgħu l-ħniena kbira ta’ Alla. U xi ħniena!
Għall-ħabta tat-2.45pm il-bieraħ il-kapitlu Ġorġjan irħielha lejn il-knisja tas-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fi Triq Palma fejn hemmhekk kien hemm espost għall-qima tal-fidili l-kadavru ta’ dan ħuna fl-imħabba lejn Ġorġi, missierna fil-fidi li għallimna u ħabib tagħna fl-esperjenza li għexna miegħu. Mal-wasla tal-kapitlu beda l-kant ta’ l-Uffiċċju tal-Mejtin, biex imbagħad fit-3.15pm il-korteo funebri ħalla l-knisja tas-sorijiet, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika u l-iSchola Cantorum Gregoriana li esegwiet il-Miserere, u kompla għal Triq ir-Repubblika, Pjazza Indipendenza u Pjazza San Ġorġ.
Dawk li kienu preżenti fil-bażilika, fosthom bosta membri prominenti fi ħdan is-Soċjetà La Stella li tagħha kien iben leali u kollaboraturi ta’ Leħen il-Belt Victoria li kienu jafuh b’kollega sinċier tagħhom, jafu x’tislima sabiħa u mistħoqqa ngħatat lill-Kan. Joe Mejlak. L-isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni solenni li fiha ħadu sehem iktar minn sebgħin qassis, u kellu kliem ta’ tifħir għal dan is-saċerdot, patrijott imħeġġeġ ta’ pajjiżna, wild denn tal-gżira tagħna, u iben għaref tal-parroċċa Ġorġjana li fiha għadda ħajtu kollha f’servizz lill-komunità Ġorġjana li nisslitu. Bir-raġun li kien hemm min tkellem fuq il-kważi “omnipreżenza” tiegħu f’San Ġorġ, li nħasset ukoll qalb dik il-miġemgħa, u tibqa’ tinħass fostna dejjem, fl-eku tal-kitba tiegħu li għandha riservata kelma għal kull sentiment tal-ħajja. Għalhekk għandu kienu jiġru nies minn kull qasam tas-soċjetà jitolbuh iħarbxilhom poeżija għal xi okkażjoni. U l-ispirazzjoni ma kienet qatt tonqsu biex jinqeda bil-pinna għaqlija tiegħu ħalli jroxx fuq ta’ madwaru kliem bnin daqs l-għasel imma qatt nieqes mill-għerf tas-sema. B’xorti tajba sab biżżejjed benefatturi f’ħajtu li għenuh jiġbor il-kitbiet tiegħu f’antoloġiji li l-lum għandna f’idejna u sa jibqgħu magħna, monumenti tal-kobor tiegħu li jrid iż-żmien biex jiġi mifhum u apprezzat; fosthom dik li żgur kienet l-aktar waħda għal qalbu: Dejjem f’qalbna. U nafu għaliex!
Il-Kan. Joe Mejlak jibqa’ isem b’tifkira marbuta miegħu donnha xemgħa li dawlha ma jnin qatt. Bniedem li minn ħajtu għamel poeżija żgur jistħoqqlu ftit kliem poetiku min-naħa tagħna, li xorta jisfa fqir ħdejn il-pinna għanja tiegħu, li minkejja l-profondità bla qies tagħha, bħal ta’ zitu Mary Meylak, jasal jifimha anki tfajjel ċkejken.
“Biex hekk wara dil-ħajja
immur niltaqa’ miegħu
fil-ġenna fejn bla temma
jien ngħix fil-hena tiegħu”.
Kan. Joe Mejlak
Din hi strofa minn waħda mill-poeżiji li ħallielna b’wirt il-Kan. Joe Mejlak. Il-lum tlaqtna u ħallejtna bit-togħma ta’ ħajja eżemplari. Il-lum inkitbet l-aħħar strofa ta’ ħajtek fejn il-poeta ma kontx int imma dak Alla li dejjem ħdimt għalih. Allura tagħtina raġun li f’dawn il-jiem inħossuna mnikktin għat-telfa tiegħek. Miegħek tlifna Ġorġjan kbir u Stilla mħeġġa, ieħor mill-iskola għolja li għallmitna kif ngħixu u kif immutu. Imma dan mhux aħna qed ngħiduh imma dawk in-nies li ġew jagħtu l-aħħar tislima lil ħabib tagħhom, benefattur tagħhom. Orqod issa, kif kalma u ħelwa dehret it-tbissima fuq wiċċek qabel belgħetu l-art, imma ħalli li t-tifkira għażiża tiegħek tibqa’ “dejjem f’qalbna”, dejjem magħna. Il-kewkba li feġġet tiddi fis-sema tagħna tibqa’ tilma bl-istess qawwa, tfakkarna li aħna Ġorġjani, u li aħna wkoll nistgħu nkunu poeti…
Ritratti: Joe Attard, Andrew Formosa.