Join Us On:

News Archive

INSELLMU LILL-ISQOF NIKOL Ġ. CAUCHI

Erba’ xhur fuq il-mewt ta’ l-E.T. Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi, li kien isqof ta’ Għawdex bejn l-1972 u l-2006, il-Bażilika ta’ San Ġorġ tal-Belt Victoria ħa ssellem il-memorja tiegħu bi programm ta’ żewġ ċelebrazzjonijiet li ħa jsiru fl-istess bażilika:
Akkademja Mużiko-Letterarja nhar is-Sibt 12 ta’ Marzu 2011, fit-8.00pm, bis-sehem tal-Kor Laudate Pueri u l-Banda Ċittadina La Stella; u
Konċelebrazzjoni Pontifikali de requiem b’suffraġju ta’ ruħu, il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011, fil-11.00am, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru Ġorġjan.
 
L-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kellu rabtiet speċjali mal-Bażilika ta’ San Ġorġ, prinċipalment għax kien hu li fit-8 ta’ Diċembru 1975, bid-digriet Etsi Deus, waqqaf il-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ u rriserva għalih bħala isqof djoċesan u għas-suċċessuri tiegħu l-ewwel dinjità tal-Kapitlu Ġorġjan. Dan kienu l-uniku kulleġġ ta’ kanonċi fid-djoċesi Għawdxija mwaqqaf tul l-episkopat tiegħu, skond in-normi l-ġodda tal-Konċilju Vatikan II.
 
Barra minn hekk, Monsinjur Cauchi ħalla patrimonju ta’ kitbiet u omeliji fuq il-Patrun ta’ Għawdex, San Ġorġ, fosthom żewġ ittri pastorali fl-okkażjoni ta’ żewġ ċentinarji Ġorġjani (1984, 2003).
 
Il-programm kommemorattiv f’ġieħ l-Isqof Cauchi hu organizzat mill-Kumitat Storiku-Kulturali fi ħdan il-Bażilika ta’ San Ġorġ f’kollaborazzjoni mar-Reverendissmu Kapitlu Lateranensi tagħha, li dritt wara l-mewt ta’ Monsinjur Cauchi kien għamel talba uffiċjali biex il-fdalijiet tal-fundatur tiegħu jittieħdu fil-Bażilika ta’ San Ġorġ bħala parti mill-funerali solenni.
 

Għall-okkażjoni l-Bażilika ta’ San Ġorġ ħa xxandar pubblikazzjoni ta’ tifkira u tniedi wirja kommemorattiva.