Join Us On:

News Archive

INFAKKRU L-11 TA’ JANNAR 1881

Il-11 ta’ Jannar 1881, huwa jum storiku għas-Soċjetajiet Mużikali Għawdxin. Kien proprju f’din id-data li twaqqfet uffiċċjalment l-ewwel Soċjetà Filarmonika f’Għawdex – dik “La Stella Vincitrice” tal-belt Victoria. B’kuntratt pubbliku li sar fir-residenza tas-sur Salvu Zammit fi Sqaq numru 9, Triq Sant’Indrija, it-Tlieta 11 ta’ Jannar 1881, quddiem in-nutar Onoratu Giovanni Refalo, is-surmast Anton Buhagiar flimkien ma’ wieħed u għoxrin bandist irreġistraw uffiċċjalment l-ewwel Soċjetà mużikali f’Għawdex. Dan il-kuntratt sar proprju seba’ xhur wara li din l-għaqda kienet wettqet programm mużikali fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’ Antnin tal-1880, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Anton Buhagiar. Bħala xhieda nsibu lis-sur Salvu Zammit li kien ħajjat u s-sur Pawlu Pace li kien assistent kap ta’ skola.

Il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar ta’ l-1881, jgħarrafna li ħamsa mill-bandisti kienu membri ta’ soċjetà antika u dan il-kuntratt itenni wkoll li erbatax-il bandist ieħor kienu mħarrġa sewwa fit-tagħlim mużikali u kienu lesti għall-kunċerti. Erbatax-il bandist ieħor kienu ppreparati biex idoqqu u dan juri biċ-ċar li l-bandisti tas-Soċjetà “La Stella Vincitrice” kienu ġa bandisti u l-fdal ta’ dawk il-baned li għexu u tbiddlu mal-medda tas-snin 1863-1880 sa ma fl-aħħar ħadu sura ta’ Soċjetà Mużikali regolari li daqqet fil-festa ta’ Sant’ Antnin fl-1880 u li fil-11 ta’ Jannar 1881 twaqqfet legalment bħala s-Soċjetà mużikali ewlenija ta’ Għawdex. L-ewwel kunċerti saru f’nru. 15 Strada San Giovanni. Din id-dar serviet ukoll bħala l-ewwel każin.

Il-Perit Pietru Attard li kien il-fundatur ta’ din is-Soċjetà sar l-ewwel president tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”. Kien hu li ħadem kemm felaħ flimkien mas-surmast Anton Buhagiar biex jiffurmaw b’mod uffiċjali Soċjetà Mużikali fi gżiritna. Mas-Soċjetà ngħaqdu numru sabiħ ta’ soċi minn fost il-klassi tal-professjonisti, fosthom avukati, tobba, nutara, saċerdoti u negozjanti. Fl-arkivju tas-Soċjetà “La Stella” hemm ikkonservat l-ewwel reġistru li nafu bih ta’ l-ewwel membri tagħha li jġib id-data ta’ l-1882 u l-firma tal-president il-perit Pietru Attard.

Il-jum tal-fundazzjoni ta’ l-ewwel soċjetà mużikali f’Għawdex huwa dokumentat – l-istess bħalma huwa dokumentat il-jum tas-6 ta’ Frar 1881, il-jum li fih it-tieni Soċjetà mużikali fil-belt Victoria ġiet imwaqqfa legalment, is-Soċjetà “del Leone”. Dan jagħmel lis-Soċjetà Filarmonika “La Stella” l-ewwel waħda ta’ gżiritna – soċjetà bi storja glorjuża fejn fost l-oħrajn kienet ukoll l-ewwel waħda li daqqet barra minn xtutna (1947) u l-ewwel waħda fil-gżejjer Maltin li tagħmel rikording ta’ sett ta’ marċi fuq long-play. Mhux hekk biss. Illum is-Soċjetà tgawdi minn stima kbira fi gżiritna u anke barra minn pajjiżna. Dan grazzi għall-mawriet li s-Soċjetà għamlet barra minn Malta fejn daqqet f’uħud mill-isbaħ pjazez fl-Ewropa – grazzi wkoll għall-ġmiel ta’ teatru li fih ta’ kull sena jittellgħu produzzjonijiet u fuq kollox festival Mediterranea, festival kulturali li jiġbed lejn gżiritna numru kbir ta’ barranin li jiġu jduqu ftit minn dak li toffri gżiritna fejn tidħol mużika, arti, storja u kultura. Is-Soċjetà “La Stella” illum hija dik li hi grazzi għall-ħidma ta’ dawk il-ħafna b’qalb kbira li taw dak kollu li setgħu biex is-Soċjetà kibret. Għalhekk xieraq li llum infakkru dan il-jum, u nkunu rikonoxxenti lejn missirijietna li ħadmu biex twaqqfet l-ewwel Soċjetà mużikali fil-gżira Għawdxija.

[ritratti: ħajr lil Michael Said]