INAWGURATA S-SALA PROFESSUR JOSEPH VELLA
Il-Ħadd, 5 ta’ Mejju 2024 kien jum importanti għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-familja tal-mibki l-Professur Joseph Vella. Wara diversi xhur ta’ xogħol u ħidma minn diversi persuni, il-bieraħ filgħodu ġiet inawgurata s-sala l-ġdida tal-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, liema sala ġiet iddedikata lill-Professur Joseph Vella. Din is-sala se tkun qed tintuża prinċiparjament mill-banda tagħna għall-kunċerti preparatorji u attivitajiet oħra relatati. Din is-sala, saret fuq disinn tal-Perit Andrew Borg u hija kompluta bil-bżonnijiet kollha għaż-żminijiet tal-lum.
Għal dan il-jum speċjali l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella organizzat marċ festiv minn Pjazza San Ġorġ sal-Każin La Stella fejn indaqqu marċi miktuba mill-mibki l-Professur Joseph Vella. Wara, l-banda sabet postha fis-sala l-ġdida fejn saret ċerminonja qasira tal-okkażjoni b’diskorsi mill-Perit Andrew Borg, is-Sur Joe Cordina, Chairman tal-Gozo Action Group, is-Sur Alan Vella, li jiġi iben il-Professur Vella u s-Sur Michael Formosa, President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Waqt id-diskorsi ssemmiet ir-rabta mill-qrib li dejjem kellu l-Professur Joseph Vella mas-Soċjeta Filarmonika La Stella u t-Teatru Astra, rabta li bdiet minn missier il-Professur Vella, li kien ukoll surmast tal-banda. Isem il-Professur Vella huwa sinonimu mal-banda u t-teatru tagħna u allura kien tassew xieraq li tiġi iddedikata għaliħ sala, li tintuża partikolarment mill-istess banda. Wara l-aħħar diskors is-Sur Michael Formosa, Presdient tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-familjari tal-Professur Vella, kixfu lapida kommemorattiva.
Għal din l-attività attenda s-Sindku tal-Belt Victoria Josef Schembri, s-surmast attwali Dr John Galea, mart il-Professur Vella, Nathalie, wliedu Alan u Nicky, familjari oħra, membri tal-kumitat ġenerali u bosta partitarji. Ippreżenta l-inawgurazzjoni Franesco Pio Attard. Fi tmiem l-okkażjoni il-Banda La Stella daqqet l-innu tal-banda u wara sar festin żgħir għal dawk mistiedna.
Dan il-proġett sar permezz ta’ fondi Ewropej tal-Programm Leader, amministrat mill-Gozo Action Group Foundation u ko-finanzjat permezz taI-‘NGO Co-Financing Fund’ amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Il-ġurnata ta’ qabel, l-4 ta’ Mejju 2024 kien ukoll jum importanti għat-Teatru Astra għaliex ittellet għall-ewwel darba l-opra tal-Professur Joseph Vella ‘Valeriana – The Titan’s Rock’ liema opra kienet kompluta mis-Surmast Christopher Muscat. L-opra kienet produzzjoni ta’ Festivals Malta.
(Ritratti: Joe Attard)