INAWGURATA L-WIRJA DWAR IS-SURMAST GIUSEPPE GIARDINI VELLA
Dalgħodu ġiet inawgurata wirja dwar is-Surmast Giuseppe Giardini Vella fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt tiegħu. L-attività bdiet b’introduzzjoni mis-Sur George Cassar fejn ta lill-udjenza sintesi tal-ħajja tas-Surmast Giardini Vella u l-konnesjoni mill-qrib li kellu mas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-parroċċja Ġorġjana tal-Belt Victoria. Wara sar diskors mis-Surmast tal-Banda Ċittadina La Stella, Dr. John Galea, fejn tkellem dwar il-kontribut mużikali li ta Giardini Vella matul il-karriera tiegħu, kemm meta kien surmast direttur tal-istess banda, kif ukoll meta kien il-bogħod mill-gżira Għawdxija.
Wara d-diskors tas-Surmast Galea, sar indirizz mis-Sindku tal-Belt Victoria, s-Sur Brian Azzopardi, fejn irrefera għas-sehem taż-żewġ soċjetajiet tal-Belt Victoria fl-isfera artistika u mużikali, liema kontribut jagħmlu kburi bħala rappreżentant ta’ din il-belt. L-attività ġiet magħluqa b’indirizz mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sur Michael Formosa, fejn tkellem dwar is-sehem importanti ta’ Giardini Vella fl-istorja tal-istess banda kif ukoll dwar l-obbligu tad-diriġenti tal-lum li jibqgħu jfakkru lil dawk ta’ qabilna, li b’xogħolom sawwru l-pedamenti ta’ dak li għandna llum. Għall-inawgurazzjoni tal-wirja attendew familjari ta’ Giardini Vella, diversi membri tal-kumitat, partitarji u membri tal-pubbliku. Il-wirja li tinsab fit-Teatru Astra Cultural Hub, tkun miftuħa bejn l-10.00 am u 19.00 fiha ħafna informazzjoni interessanti, partituri tal-mużika qodma ta’ Giardini Vella u diversi oġġetti li qed jiġu esebiti għall-ewwel darba. Id-dħul huwa b’xejn u l-pubbliku huwa mistieden jżura fil-ħinijiet indikati.