INAWGURATA L-ESEBIZZJONI DWAR GIACOMO PUCCINI
Dalgħodu ġiet inawgurata l-esebizzjoni dwar Giacomo Puccini ġewwa t-Teatru Astra Cultural Hub, organizzata mill-Classique Foundation. Din l-esebizzjoni, Giacomo Puccini’s life and work, qegħda ssir fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-mitt sena mill-mewt tal-kompożitur magħruf taljan. L-inawgurazzjoni bdiet b’introduzzjoni mis-Sur George Cassar fejn stieden lis-Surmast Joseph Debrincat, kuratur tal-wirja u fundatur ta’ Classique Foundation biex biex jagħmel id-diskors tiegħu. Mro Debrincat spjegata li l-esebizzjoni iffukat prinċipalment fuq il-ħajja personali ta’ Puccini peress li fuq l-opri li kiteb nafu ħafna u saru ħafna studji imma x’aktarx nafu anqas fuq il-ħajja privata tiegħu. Filfatt il-wirja hija mimlija informazzjoni u aspetti interessanti mill-fażijiet li għex Puccini, inklużi ritratti mprezzabbli u kollezzjoni ta’ memorabilia relatati mal-kompożitur.
Wara l-intervent ta’ Mro Debrincat, għamel diskors tal-okkażjoni l-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru Astra, s-Sur Michael Formosa, fejn afferma li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li din l-inizjattiva ta’ Classique Foundation se tkun qegħda tarrikkixxi l-offerta tat-Teatru Astra f’dan l-anniversarju mportanti, mhux biss permezz ta’ din l-esebizzjoni imma b’ mod speċjali bil-kunċert operistiku li se jsir minn Classique Foundation nhar is-Sibt li ġej fejn l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Debrincat.
Fl-aħħar għamel id-diskors tiegħu il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar l-Onorevoli Clint Camilleri fejn innota n-numru ta’ attivitajiet li saru dan l-aħħar fit-Teatu Astra u t-Teatru Astra Cultural Hub u li baqa’ jsiru sa l-aħħar tas-sena, li huma xhieda tal-kontribut li dan it-teatru qed joffri fuq l-livell kulturali u artistiku kif ukoll ekonomiku għal gżira Għawdxija.
Minn din il-paġna nistednukom iżżuru din l-esebizzjoni li se tibqa miftuħa sat-23 ta’ Novembru 2024 u li għaliha d-dħul huwa b’xejn. Għall-kunċert Puccini100 ta’ nhar is-Sibt li ġej 16 ta’ Novembru baqa’ biss ftit biljetti. Nħeġġu lil dawk kollha li huma nteressati biex jibbukkjaw fuq Puccini 100 – Anniversary Concert – Teatru Astra.