Join Us On:

News Archive

INĦARSU ’L QUDDIEM

Bdejna sena ġdida, u bħas-snin l-imgħoddija, is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tibqa’ minn xahar għal xahar impenjata fl-oqsma kollha tagħha. Soċjetà kbira bħalma hi s-Soċjetà “La Stella” ma tistax taħdem biss tul ix-xahar tal-festa, iżda hija Soċjetà attiva s-sena kollha, grazzi għal dawk il-ħafna li volontarjament jagħtu ħinhom biex jaraw lis-Soċjetà dejjem tikber sena wara sena. In-numru kbir ta’ żgħażagħ jagħmlulna kuraġġ biex inkomplu nħarsu ’l quddiem. Kemm fis-settur bandistiku kif ukoll f’diversi oqsma u għaqdiet fi ħdan is-Soċjetà nsibu numru kbir ta’ żgħażagħ li jaħdmu bla heda għall-ġid tas-Soċjetà “La Stella”.

Kif semmejt l-attivitajiet minn xahar għal xahar ma jonqsux. Il-ħidma b’risq il-festa ta’ San Ġorġ tibqa’ għaddejja tul is-sena kollha. Għalkemm il-festa hija waħda mill-aktar okkażjonijiet importanti għas-Soċjetà “La Stella”, il-ħidma tagħna ma tiqafx hawn. Festival Mediterranea li llum sar magħruf ma’ diversi pajjiżi Ewropej, ma jittellax mil-lum għal għada. Il-preparazzjoni għalih tibqa’ għaddejja tul is-sena kollha. Mhux ta’ b’xejn li dan il-festival ta’ kultura qiegħed kull ma jmur jikber u jagħmel isem lis-Soċjetà tagħna u lil gżiritna.

Il-banda tagħna ma tkunx impenjata biss fl-istaġun tal-festi, iżda matul it-tnax-il xahar tas-sena. Wieħed ta’ min ifakkar li fis-sena 2007 il-banda kellha xejn inqas minn 35 servizz, u żgur li din is-sena ta’ dan in-numru rekord ta’ servizzi mhux ser jonqos. Fil-ġimgħat li ġejjin ser tibda l-preparazzjoni għar-rekording tas-sett ġdid ta’ marċi funebri li ser jiżżanżan tul il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ. Barra dan, fl-istess ġimgħa l-banda tagħmel kunċert ta’ mużika sagra fl-istess bażilika, u għal dan ukoll il-banda trid tipprepara ruħha. Hekk kif jintemmu dawn il-festi, tibda l-preparazzjoni għar-rekording ta’ sett ieħor ta’ marċi – din id-darba ta’ marċi brijużi għall-festi ta’ San Ġorġ iċċelebrati f’Lulju fil-belt Victoria. Din is-sena ser jiġu ċċelebrati festi kbar fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju minn meta l-Arċimatriċi ta’ gżiritna saret bażilika. Mons. Ġużeppi Farrugia, id-direttur spiritwali ġdid tas-Soċjetà fuq is-sit uffiċjali tal-bażilika ta’ San Ġorġ semma li s-sena 1958 tibqa’ miftakra għal dejjem fl-annali tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ bħala “s-sena tal-bażilika”. Is-sena li għadna kif bdejna hija s-sena ċinkwantenarja minn mindu l-mibki u venerabbli Papa Piju XII kien għolla l-knisja Ġorġjana ta’ Għawdex għad-dinjita’ ta’ bażilika. Kien ġieħ mistħoqq lil knisja li sa mill-eqdem sebħ tal-Kristjaneżmu fi gżiritna tat servizz pastorali u baqgħet u għadha tagħtih mingħajr interruzzjoni sa llum. M’hemmx dubju li il-ġrajja tal-bażilika titfakkar b’attivitajiet pastorali u kulturali skond ma jixraq.

Tul dan ix-xahar ser infakkru wkoll l-40 anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tat-Teatru Astra. Dan l-anniversarju, kif ukoll il-ħatra tad-direttur spiritwali ġdid tas-Soċjetà, ser jiġu ċċelebrati nhar l-20 ta’ Jannar, eżattament fil-jum proprju ta’ meta kien infetaħ it-Teatru tagħna – teatru li fih ittellgħu produzzjonijiet mill-aqwa fosthom 24 opra lirika, numru kbir ieħor ta’ operetti u mużikals, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ produzzjonijiet bis-sehem ta’ artisti famużi barranin fosthom, Raffaella Carrà, Goggi Sisters, Albano, Romina Power, The Platters, Bobby Solo, Nek, Montparnasse Ballet Troupe u Ballet Classique de Paris.

Din hija s-Soċjetà Filarmonika “La Stella” – Soċjetà ħajja, l-eqdem Soċjetà mużikali ta’ gżiritna, iżda fl-istess l-iktar waħda ħajja u b’saħħitha, b’nukleu ta’ nies li jaħdmu bis-sħiħ, biex dejjem jaraw lis-Soċjetà tikber, u żżomm postha fuq quddiem nett fil-qasam soċjo-kulturali ta’ pajjiżna.