IMNIEDI KTIEB ĠDID DWAR IT-TEATRU ASTRA
Il-bieraħ filgħaxija ġie imniedi ktieb ġdid bl-isem Teatru Astra – Proġett għal Dejjem, miktub mis-Sur Paul M Cassar, Eks Segretarju Ġenerali u President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Oriġinarjament l-attività kellha ssir fil-bitħa tal-Ministeru għal Għawdex imma minħabba l-possibiltà ta’ maltemp ġiet trasferita fil-mużew Il-Ħaġar.
Is-serata bdiet billi għamel indirizz il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella s-Sur Michael Formosa, fejn tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-ktieb kif ukoll dwar l-impenn tal-amministrazzjoni preżenti tkompli għaddejja bi proġetti li jkomplu jtejjbu dak li bnew b’tant għaqal ta’ qabilna. Wara kien hemm Intermezz mużikali minn George Camilleri fuq l-Ewfonju u minn Francis Camilleri fuq il-pjanu.
Wara għamlet id-diskors tagħha Dr Maria Frendo, li ma għandha bżonn ebda introduzzjoni minħabba s-sehem u l-kontribut tagħha fit-Teatru Astra kif ukoll fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. George Camilleri u Francis Camilleri għamelu intervent mużikali ieħor u wara kien imiss li jippreżenta d-diskors tiegħu s-Sur Anton Tabone, Eks Ministru għal Għawdex li tkellem dwar it-tifkiriet tiegħu u l-importanza tal-kultura għal Għawdex.
Is-Sur Paul Cassar imbagħad għamel id-diskors tiegħu tal-okkażjoni fejn semma mill-memorja tiegħu stess dak li għamlu f’dawk is-snin hu u sħabu. Huwa qal li d-diffikultajiet ma kienux ftit imma bl-impenn u s-sostenn ta’ ħafna dejjem iġġieldu mal-problemi biex jibqgħu mexjin il-quddiem.
Fl-aħħarnett għamel kelmtejn tal-okkażjoni il-Ministru għal Għawdex il-Perit Clint Camilleri fejn tkellem dwar l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex jgħin fil-qasam tal-kultura ta’ din il-ġżira. Wara saret il-preżentazzjoni tal-kotba, lil istess Ministru Clint Camilleri, lil Dr Chris Said u Dr Joseph Ellis bħala deputati fil-parlament u li kienu preżenti għas-serata, u lill-eks Ministru għal Għawdex is-Sur Anton Tabone.
Is-serata kienet ippreżentata mis-Sur Nathaniel Attard.
Fil-paġna tal-Facebook tas-Soċjetà Filarmonika La Stella jew tal-mużew il-Ħaġar wieħed jista’ jara filmat tas-serata.
Min jixtieq jordna l-ktieb jista’ jibgħat messaġġ fuq il-facebook page tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, jew fuq [email protected] jew jinxtara direttament minn Vajrinġa Supermarket, Vajrinġa Street, il-Belt Victoria.
Din l-inizjattiva hija sostnuta bl-iskema “Ministry for Gozo NGO Assistance Scheme” programm ta’ finanzjament għall-Organizzazzjonijiet Volontarji f’Għawdex.