IMKABBRA BIŻ-ŻÎNA MARJANA TAGĦNA
Bħal fi snin oħra, is-sehem tal-banda ċittadina dekana La Stella tal-belt Victoria fil-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni kienet wieħed impekkabbli. Ir-rabta qadima li teżisti bejn din il-banda prinċipali tal-gżira tagħna u l-festa tal-Kunċizzjoni li tiġi ċċelebrata ta’ kull sena mill-patrijiet Franġiskani Konventwali tar-Rabat hija waħda li l-lum hija hekk stabbilita li saret stat ta’ fatt. Fuq kollox hekk huwa xieraq, ladarba skond tradizzjoni qadima li għadha fuq fomm il-poplu, il-banda Ta’ l-Istilla ħadet isimha mill-Verġni Mqaddsa Marija li l-festa tagħha tat-8 ta’ Diċembru hija dejjem serviet.
Is-sehem tal-banda La Stella fil-festi ta’ barra ta’ l-Immakulata fil-belt ta’ Għawdex beda proprju lejlet is-solennità, jiġifieri nhar il-Ħadd 7 ta’ Diċembru 2008. Il-banda għamlet marċ li beda minn ħdejn il-Victoria Hotspurs Club fi Triq Enrico Mizzi. Imbagħad fi Pjazza San Franġisk il-banda La Stella, flimkien mal-banda Santa Margerita ta’ Ta’ Sannat, akkumpanjat il-marċ bl-istatwa tal-Kunċizzjoni maħduma għall-festi ta’ barra minn Pawlu Aquilina. Dan il-marċ għadda minn Triq Għajn Qatet, Triq it-8 ta’ Diċembru, Triq Enrico Mizzi, Triq San Duminku, Triq Pompei u lura għal Misraħ San Franġisk. Fi tmiem dan il-marċ il-banda akkumpanjat it-tlugħ ta’ l-istatwa fuq il-pedestall bid-daqq ta’ l-innijiet Ave Maria u Lil Marija Immakulata.
Imbagħad fil-jum tas-solennità, jiġifieri nhar it-8 ta’ Diċembru, il-banda La Stella bdiet bil-marċ minn ħdejn is-salib ta’ San Franġisk u daqqet l-innu Lodate Maria, mużika tas-surmast G. Flamingo, li bih laqgħet fil-bieb il-purċissjoni bl-istatwa meraviljuża ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, żîna Marjana ta’ beltna u ta’ gżiritna. Il-banda La Stella mbagħad akkumpanjat l-istatwa tal-Kunċizzjoni, xogħol fl-injam tal-Bormliż Salvatore Psaila, madwar it-toroq ewlenin tal-belt Għawdxija. Il-banda dekana flimkien mal-purċissjoni għaddiet minn quddiem il-bażilika ta’ San Ġorġ fejn, skond it-tradizzjoni, il-bibien ewlenin tal-knisja protoparrokkjali ta’ beltna nfetħu biex titgawda s-sbuħija artistika tat-tempju Ġorġjan. Xita ta’ stilel tal-karti niżlet għalenija fuq l-istatwa flimkien mat-tislima sabiħa li l-qniepen melodjużi tal-bażilika kienu qed jagħtu lil Marija Immakulata. Imbagħad il-purċissjoni, flimkien mal-banda, għaddew għal Triq Karità u żbukkaw fi Triq Vajrinġa, fejn din is-sena nħass xi taqtir tax-xita u għalhekk ma sarx tnikkir imma l-kleru flimkien mal-banda u l-istatwa mexxew il-purċissjoni b’pass kemxejn iktar ħafif sakemm ilkoll daħlu lura fil-knisja u ndaqqet l-antifona mill-iktar sabiħa, fuq mużika ta’ Mons. Giuseppe Farrugia “Tal-Vers”.
Kif wieħed jista’ jara, is-sehem tal-banda La Stella huwa tassew sinifikanti u importanti għal din il-festa ewlenija tal-Verġni Mbierka mnissla bla tebgħa ta’ dnub fil-belt Victoria. Bħal fi snin oħrajn wieħed seta’ jara wkoll il-kumitat tas-Soċjetà La Stella jakkumpanja quddiem il-banda. Minkejja l-kesħa u l-bard għal darba oħra din is-sena l-bandisti tal-banda La Stella sfidaw l-elementi u taw is-sehem sħiħ tagħhom fil-festa ta’ l-Immakulata, li hi tant għal qalbhom. Ta’ dan jistħoqqilhom l-apprezzament sinċier ta’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom dawn il-festi ewlenin tax-xitwa fir-Rabat ta’ Għawdex.