IMFAKKAR L-40 ANNIVERSARJU TAS-SURMAST VELLA
" Lill- Banda La Stella,
F’għeluq l-40 sena mill-ħatra tiegħi bħala Surmast Direttur,
Li matulhom magħha ħdimt, għallimt,
… u tgħallimt!"
F’għeluq l-40 sena mill-ħatra tiegħi bħala Surmast Direttur,
Li matulhom magħha ħdimt, għallimt,
… u tgħallimt!"
Dawn huma l-versi li nsibu mehmuża mal-kompożizzjoni ġdida tas-surmast Joseph Vella: Ludus Tonalis – silta mużikali miktuba fl-okkażjoni tal-erbgħin anniversarju tal-Professur Joseph Vella bħala direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Erbgħin sena ta’ suċċessi li ġew inkurunati nhar is-Sibt li għadda f’kunċert mużikali spettakolari li fih il-banda La Stella, ħarġet bl-unuri kollha, f’okkażjoni singolari u storika. Erbgħin sena li fihom is-surmast Vella minn żagħżugħ ta’ sebgħa u għoxrin sena, kiber u miegħu kibret il-banda, u fuq kollox is-Soċjetà La Stella. Ilħaqna livelli li llum huma meqjusa bħala benchmarks għal baned oħra f’beltna u fi gżiritna. Nafu li għandna r-responsabilità bħala l-ewwel banda ta’ din il-gżira li nservu bħala punt ta’ riferiment għal soċjetajiet mużikali oħra f’Għawdex. Dan għamilnieh fil-passat, qed nagħmluh fil-preżent u nibqgħu nagħmluh anke fil-futur. Dan grazzi ukoll għall-Professur Vella, illum bniedem sinonimu mal-qasam mużikali fil-pajjiż kollu.
Ir-riżultat li ksibna nhar is-Sibt, fil-programm mużikali annwali mtella’ mill-banda tagħna jikkonferma dan kollu. L-esekuzzjoni tas-siltiet magħżula, kienu impekkabbli. Impekkabbli iva, b’mod partikolari il-Capriccio Spanjol, li ndaqq għall-ewwel darba f’Għawdex mill-banda tagħna. Il-bandisti tagħna daħlu għal sfida, u nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li din l-isfida rbaħniha, għax kull bandist ħadem biex dak li ġie esegwit, kien esegwit b’mod brillanti.
Il-kunċert fetaħ bl-esekuzzjoni tal-overture mill-opra ta’ Wagner, Rienzi. Segwiet is-silta mużikali kontemporanja: Free World Symphony tal-kompożitur Jacob De Haan. Il-banda daqqet ukoll selezzjoni mill-opra La Traviata, friski mis-suċċess tal-istess opra li ġiet imtella’ fit-Teatru tagħna fil-ftuħ ta’ din l-edizzjon ta’ Festival Mediterranea. F’din is-selezzjoni l-banda, kif ukoll is-solisti: Mario Galea (Klarinett); Michel Refalo (Kurunetta); Ino M. Attard (Althorn) u Anton Sacco (Ewfonju) taw wirja mill-aqwa.
Kellna mbagħad is-silta mużikali tal-kompożitur Belġjan Roger Derongé, Walking on Music, silta miktuba għal Ewfonju Solista, u din id-darba l-protagonista kien l-Ewfonista bravu tagħna, George Camilleri. Għal darb’oħra, l-esekuzzjoni tiegħu kienet konferma tal-kapaċitajiet kbar li jħaddan dan il-mużiċista, kemm dawk tekniċi kif ukoll dawk espressivi.
Il-kunċert għalaq bl-esekuzzjoni tal-Capriccio Espagnol u tal-kompożizzjoni ġdida tas-surmast Vella, Ludus Tonalis, li diġà għamilna referenza għalihom aktar kmieni f’dan l-artiklu. Fi tmiem il-kunċert, il-President tas-Soċjetà, is-Sur Paul Zammit, akkumpanjat mis-Sur Dolindo Cassar, segretarju tas-Soċjetà, ippreżentaw tifkira lill-Professur Joseph Vella, f’din l-okkażjoni tant importanti fl-istorja tas-Soċjetà tagħna u anke fil-karriera tas-surmast Vella. Kien ferm mistħoqq l-applaws kontinwu u l-standing ovation li tat l-udjenza kemm fi tmiem il-kompożizzjoni Ludus Tonalis u anke waqt il-preżentazzjoni, lis-surmast Vella – surmast li m’hemmx dubju ismu ser jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja glorjuża tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.
Intant fost l-ogħla awtoritajiet preżenti għal dan il-kunċert, kellna lill-Aġent President tar-Repubblika, Anton Tabone, u s-sinjura tiegħu; il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono u s-sur Debono; kif ukoll is-Sindku ta’ beltna, Dr Samuel Azzopardi, akkumpanjat mis-sinjura tiegħu. Il-programm ġie ppreżentat mis-Sinjura Orietta Gatt.