Join Us On:

News Archive

IMFAKKAR IS-6 TA’ SETTEMBRU 1958

Kif ħabbarna fil-jiem li għaddew fuq dan is-sit, nhar is-Sibt li għadda, is-6 ta’ Settembru, kien jum speċjali mhux biss għall-knisja protoparrokkjali ta’ San Ġorġ iżda għad-djoċesi kollha tal-gżira Għawdxija. Nhar is-Sibt li għadda l-knisja arċimatriċi tal-gżira Għawdxija għalqet ħamsin sena bażilika. Kien proprju fis-6 ta’ Settembru 1958 meta l-Papa Piju XII iffirma d-digriet Merito Dilaudatur Templum li bih għolla lil dan il-maqdes għall-ġieħ ta’ bażilika.

L-għoti ta’ dan il-ġieħ kien ħaġa mistħoqqa għall-parroċċa ta’ San Ġorġ. Wieħed ta’ min isemmi li l-parroċċa Ġorġjana tal-belt Victoria kienet l-ewwel waħda li ngħatat dan it-titlu fost il-parroċċi tad-djoċesi. Fid-digriet il-Papa Piju XII isemmi li l-bażilika ta’ San Ġorġ kienet sa minn dejjem "Spettaklu ta’ fidi ħajja u ta’ mħabba mkebbsa, glorja tagħni ta’ ġmiel mill-ikbar li ma jista’ jiċħadha ħadd".

Biex jitfakkar dan il-jum storiku, nhar is-Sibt li għadda fil-bażilika ġiet iċċelebrata konċelebrazzjoni solenni immexxija mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan u animanta mill-kor tal-bażilika Laudate Pueri taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo. Tul din il-konċelebrazzjoni nqara d-digriet tal-bażilika, li għall-okkażjoni ġie mpoġġi fil-korsija tal-bażilika. Fil-bażilika tpoġġa wkoll l-istandard tas-Soċ. Filar. La Stella, li kienet il-benefattriċi ewlenija ta’ dan il-ġieħ. Dan il-ġest kompla juri kemm il-parroċċa u s-Soċjetà La Stella huma inseparabbli, żewġ entitajiet li minn dejjem ħadmu fl-interess ta’ xulxin u għaldaqstant ħadd u xejn ma jista’ jifridhom.

Intant matul il-ġurnata tas-Sibt, ir-radju tal-komunità tagħna Leħen il-belt Victoria 104fm, xandar bi skeda speċjali bi programmi dwar l-istorja tal-bażilika, programmi ta’ marċi brijużi mill-banda ċittadina u dekana La Stella, u fuq kollox xandar b’mod dirett il-konċelebrazzjoni solenni mill-bażilika.

Dan huwa biss il-bidu ta’ ċelebrazzjonijiet li ser ifakkru dan l-anniversarju speċjali. Il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet ta’ dawn il-festi ċinkwantenarji jitħabbru aktar ‘il quddiem.

ritratti: Andrew Formosa