Join Us On:

News Archive

ILLUM TINGĦATA L-AĦĦAR TISLIMA LIL DUN SALV

Illum, il-Ħadd l-aħħar jum ta’ Settembru, ser tingħata l-aħħar tislima lis-saċerdot wisq maħbub Mons. Salv Borg, Arċipriet Emeritu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, u Kappillan tal-Banda “La Stella”.

Fis-2.30pm kulħadd huwa mistieden biex isellem lil Dun Salv fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Belt Victoria. Imbagħad fil-5.00pm jibda l-funeral minn quddiem din il-knisja li jgħaddi minn Triq ir-Repubblika, għall-Bażilika ta’ San Ġorġ, fejn hemm fil-5.30pm ser tiġi ċċelebrata quddiesa funebri mmexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Hekk kif tintemm il-quddiesa funebri, il-banda “La Stella” ser takkumpanja l-korteo minn Pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika, fejn ser tagħti l-aħħar tislima lill-kappillan tagħha bid-daqq ta’ marċi funebri. Għal din l-okkażjoni ta’ niket, il-banda “La Stella” ser iżżanżan marċ ġdid funebri bl-isem “IN MEMORIAM MGR SALV BORG” kompożizzjoni tas-Surmast Direttur tal-banda Mro Joseph Vella.

Il-belt Victoria tinsab f’luttu, u kienu bosta dawk li tellgħu l-bnadar mezz’asta bħala sinjal ta’ rispett lejn il-wisq maħbub Dun Salv Borg. Ma setax jonqos li tittella’ l-bandiera l-kbira mezz’asta mal-każin tas-Soċjetà “La Stella”, fejn ukoll twaħlet tabella bil-kliem: “Is-Soċjetà La Stella ssellem lil Mons. Salv Borg, Arċipriet Emeritu u Kappillan tal-Banda tagħha. – Grazzi Dun Salv”.

Minn hawn nixtiequ għal darb’oħra nagħtu l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Dun Salv, b’mod speċjali lil oħtu Maria u r-raġel tagħha Carmel, in-nepputijiet Antonella, George Louis u Christian, u z-zijiet tiegħu, il-Kan. Ġwann Scicluna, M’Assunta u Sr. Luisetta.