Join Us On:

News Archive

ILLUM JINGĦATA BIDU GĦAL “LEJLET LAPSI – NOTTE GOZITANA” FIL-BELT VICTORIA

Kollox jinsab lest biex proprju llum jingħata bidu għal-“Lejlet Lapsi – Notte Gozitana” ġewwa l-belt Victoria. Tul dawn it-tlitt ijiem, il-belt Għawdxija mistennija tilqa’ fiha eluf kbar ta’ Maltin u turisti, biex igawdu u japprezzaw dak kollu li toffri din il-belt – belt ta’ storja u kultura.

Din l-attività li hija organizzata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, ser tinkludi produzzjonijiet teatrali; kunċerti ta’ mużika varja fi pjazez differenti fil-belt, wirjiet f’mużewijiet u ċentri oħra – ċelebrazzjoni kbira li ser iżżomm il-belt tagħna mdawwla tul dawn it-tlitt ijiem.

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” u l-bażilika ta’ San Ġorġ ukoll qed jagħtu sehemhom biex din l-attività tirnexxi. Fit-Teatru Astra, is-sede tas-Soċjetà “La Stella”, għada s-Sibt ser tiġi inawgurata wirja dwar din l-istess Soċjetà u l-festa tal-Patrun t’Għawdex San Ġorġ Martri. Din il-wirja li għandha tiġbed numru kbir ta’ dilettanti tal-festi Maltin u Għawdxin ser tiftaħ mid-9.00am sa nofs il-lejl. Barra minn hekk għada ġewwa t-Teatru, il-kumpanija teatrali ‘Zoo’, ser ittella’ serata umoristika bl-isem “Lejl imdawwal bit-Torċ”. L-ewwel xow ser tibda fit-8.00pm u warajha ser isiru erba’ xows oħra. Id-dħul għal dawn ix-xows huwa ta’ Lm1. Il-bażilika tal-belt Victoria ser tkun attrazzjoni li żgur ħadd m’għandu jitlef. Eluf mistennija li jżuru dan il-ġmiel ta’ maqdes fil-qalba ta’ din il-belt. Fil-bażilika ser jittellgħu wkoll numru ta’ kunċerti. Illum fit-8.00pm ser jittella’ Chamber Concert li fih ser jieħu sehem Jean Marc Apap fuq Sax Alto u Richard Galliano fuq piano accordion. Għada mbagħad fis-7.00pm ser ikun hemm Organ Recital fuq orgni tas-seklu tmintax ġewwa s-sala San Mikiel, fl-istess bażilika. Wara mbagħad ser jittella’ kunċert ta’ mużika sagra mill-kor tal-bażilika “Laudate Pueri” immexxi minn Dun George J. Frendo. Ser issir ukoll wirja ta’ arti mtella’ mill-Fondazzjoni Belt Victoria, f’waħda mis-swali ta’ din il-bażilika. Bejn id-9.30pm u l-11.00pm ser jiġi organizzat ‘guided tour’ tal-bażilika’ – esperjenza unika li m’għandiex tintilef!

Hemm numru akbar ta’ attivitajiet li ser jiġu organizzati tul dawn it-tlitt ijiem pero`, it-Teatru Astra u l-bażilika tal-belt huma żgur żewġ attrazzjonijiet li ser jiġbdu eluf kbar ta’ Maltin u turisti. Għal programm sħiħ ta’ attivitajiet wieħed għandu jżur is-sit elettroniku www.gozoculture.com. Aktar aġġornamenti minn NOTTE GOZITANA fil-ġranet li ġejjin.