ILLUM IT-TIENI RAPPREŻENTAZZJONI TA’ TOSCA
Illum Teatru Astra se jkun qed itella t-tieni rappreżentazzjoni ta’ Tosca wara s-suċċess kbir li kellu nhar il-Ħamis li għadda. Permezz ta’ din l-opra ta’ Puccini se jkun qed jintlaħaq il-qofol tat-22 -il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Mertu ta’ dan kollu huwa tal-kumitat ħabrieki fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-volontarjat fi ħdanu.
Għal darba oħra t-Teatru Astra rnexxielu jtella produzzjoni ta’ livell għoli bis-sehem distint tat-tlett protagonisti prinċipali s-sopran Marija Jelic fir-rwol ta’ Tosca, it-tenur Dario Di Vietri fir-rwol ta’ Mario Cavaradossi u l-baritonu Badral Chuluunbaatar fir-rwol ta’ Baron Scarpia. L-orketstra nazzjonali ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħna Dr John Galea filwaqt li r-regija tal-produzzjoni għal darba oħra kienet f’idejn Enrico Stinchelli.
Bi pjaċir u sodisfazzjon kbir it-Teatru Astra ħabbar fil-jiem li għaddew li ż-żewġ rappreżentazzjonijiet kellhom l-auditorum mimli kollu u kien baqa biss xi ftit postijiet fil-gallarija. Din il-konkorrenza timla d-direzzjoni tat-Teatru Astra u s-Soċjetà Filarmonika La Stella b’kuraġġ u ħeġġa kbira għal aktar ħidma u xogħol fil-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Intant nawguraw produzzjoni oħra mill-aqwa llejla fis-7.30pm fejn propju fil-jum dinji ddedikat lill-opra se nkunu qed niċċelebraw b’waħda mill-isbaħ opri ta’ Puccini.
Ritratti: Joe Attard








