Join Us On:

News Archive

ILLEJLA KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA FIL-BAŻILIKA

Illejla, il-banda ċittadina La Stella ser tibda l-impenji tagħha marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Minbarra li dan ser ikun l-ewwel servizz marbut ma’ dawn il-festi tant importanti għall-knisja kattolika, dan huwa wkoll l-ewwel servizz tal-banda għal din is-sena. F’dan il-kunċert li jsir fil-bażilika, il-banda tesegwixxi siltiet sagri li jinkludu marċi funebri, kif ukoll siltiet oħra marbuta ma’ dan iż-żmien. Fil-fatt f’dan il-kunċert, il-banda ser issemmgħalna wħud mill-marċi l-ġodda li ser jindaqqu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-istess bażilika. F’dan il-kunċert ser jieħu sehem ukoll il-kor Laudate Pueri, taħt id-direzzjoni tal-Kan. Ġorġ Frendo. Il-banda tkun taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur, il-Professur Joseph Vella, li tiegħu ser jindaqqu tliet kompożizzjonijiet, tnejn mill-banda u silta oħra mill-kor. Il-programm kollu jinkludi dawn is-siltiet:

Lil Missieri, is-Surmast Ġanni Vella | Joseph Vella 
Lil Ommi | Joseph Vella
Dieqa | Mario Galea
In Memoriam George Sacco | George Borg
Miserere Ps 56 op. 37 | Joseph Vella
The Hallelujah Chorus from ‘The Messiah’ | G. F. Handel (arr. J. Kinyon)
Trumpet tune | H. Purcell (arr. J. R. Gillette)
L-aħħar tislima | Sunny Galea
Iesu Agonia in Horto Olivarum | Joseph Sammut
25 Maggio 1953 | Giuseppe Giardini Vella

Matul il-kunċert ser jinqraw ukoll xi poeżiji mill-pinna tal-Kan. Joe Mejlak li ħalliena sentejn ilu. Il-kunċert jibda fit-8.00pm, u kulħadd huwa mistieden jattendi. Infakkru li qabel il-kunċert ser ikun qed jinbiegħ is-CD il-ġdid ta’ marċi funebri, Una Lacrima (vol. 22) għall-prezz ta’ €12.