Join Us On:

News Archive

IL-PURĊISSJONI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Grazzi għall-fotografu Joe Attard, illum qed intellgħu numru sabiħ ta’ ritratti tal-purċissjoni devota tal-Ġimgħa l-Kbira, li ħarġet mill-bażilika proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ, nhar Ħamis ix-Xirka, 9 ta’ April, akkumpanjata mill-banda ċittadina La Stella. Fil-purċissjoni ħadu sehem ukoll il-kor tal-bażilika Laudate Pueri, kif ukoll il-banda mistiedna, Santa Margerita ta’ Sannat. 

Il-purċissjoni tal-bażilika ta’ San Ġorġ, hija  l-eqdem waħda fil-gżira Għawdxija u bla dubju l-aktar waħda devota u unika fl-istil tagħha f’pajjiżna. Bħala parti mir-rinnovament ta’ din il-purċissjoni ferm antika, il-kumitat responsabbli ħaseb li jżanżan statwa ġdida ta’ Ġesu’ fl-Ort tal-Ġetsemani, xogħol l-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi, l-istess statwarju li ħadmilna l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex li żżanżnet fil-festa li għaddiet. Ix-xogħol jidher li ntogħġob ħafna u għalhekk issa nistennew li x-xogħol kollu fuq din l-istatwa jiġi ffinalizzat.

Il-banda tat is-sehem tagħha bid-daqq ta’ marċi funebri mis-sett 2008/09. Dan is-sett ta’ marċi ndaqq għall-aħħar darba, għaliex is-sena d-dieħla l-banda żżanżan sett ġdid ta’ marċi li bħas-soltu jiġu wkoll irrekordjati fuq CD.

Għalissa nħallukom tgawdu dan is-sett sabiħ ta’ ritratti mill-purċissjoni ta’ din is-sena.