IL-PROGRAMM POPOLARI ‘XARABANK’ MIT-TEATRU ASTRA
GĦALL-EWWEL DARBA MILL-GŻIRA GĦAWDXIJA…IL-PROGRAMM TA’ QABEL IL-EUROVISION, MIT-TEATRU ASTRA!
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-amministrazzjoni kollha tat-teatru Astra u tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ li l-kumpanija televiżiva ‘Where’s Everybody’ għażlet it-teatru tagħna biex minnu xxandar il-programm ferm popolari ‘Xarabank’ ta’ nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju.
Il-programm, li ser jiġi rrekordjat nhar il-Ħamis 8 ta’ Mejju, ser jiddiskuti s-sehem ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest 2008 li ser isir aktar tard dan ix-xahar ġewwa s-Serbia. Bla dubju bħala mistiedna speċjali ser ikun hemm l-ambaxxattriċi Maltija, Morena – it-tieni kantanta Għawdxija li ser tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision. F’dan il-programm immexxi minn Peppi Azzopardi ser ikun hemm preżenti wkoll il-kompożitur u l-awtur tal-kanzunetta rebbieħa ‘Vodka’ Philip Vella u Gerard James Borg, flimkien mal-kumitat kollu tal-‘Maltasong’ u l-grupp komiku ‘ZOO’. Mistiedna wkoll bosta ħbieb u qraba tal-kantanta Għawdxija.
It-tim ta’ ‘Xarabank’ – l-aktar programm popolari fil-gżejjer Maltin, iħeġġeġ lil dawk kollha li jixtiequ jkunu preżenti fit-Teatru Astra għal dan l-aħħar programm qabel il-Eurovision, biex iċemplu fuq in-numri 2124 9200 jew 2724 9200.
Hija opportunità unika għal dawk kollha li jixtiequ jagħtu s-sapport tagħhom lill-kantanta Morena – għalhekk aħsbu kmieni biex tibbukkjaw post. L-Għawdxin ser ikollhom preferenza.
Narawkom fit-TEATRU ASTRA!!