Join Us On:

News Archive

IL-PROGRAMM MUŻIKALI ANNWALI FIL-21 TA’ NOVEMBRU

Hekk kif il-bieraħ ingħata bidu għat-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, il-banda ċittadina La Stella għaddejja bil-preparazzjoni tagħha għall-programm mużikali annwali. Fil-fatt ninsabu ftit inqas minn xahar ‘il bogħod, u llum fuq dan is-sit ser inħabbru l-programm uffiċjali li ser jindaqq mill-banda nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru. Il-mużika ġiet magħżula f’nofs is-Sajf, u hekk kif intemmu l-impenji numerużi li l-banda kellha fl-istaġun tal-festi, bdew il-kunċerti preparatorji li ser iwassluna għal programm ieħor grandjuż mill-banda tagħna.

Fil-lista tal-programm, kif wieħed jista’ jinnota, jidhru xogħlijiet kbar, u għaldaqstant il-banda bħal dejjem daħlet għal dan l-impenn bl-akbar serjeta’, biex għal darb’oħra ttella’ programm mużikali ta’ kalibru għoli ħafna. Il-programm mużikali jinkludi dawn ix-xogħlijiet:



ESTUDIANTINA
Emile Waldteufel

THRILLER (Tribute to Michael Jackson)
Rod Temperton (arr. Jay Bocook)

FORTUNA IMPERATRIX MUNDI from Carmina Burana
Carl Orff (arr. Jay Bocook)

I PESCATORI DI PERLE
Georges Bizet (arr. Giuseppe Giardini Vella)

MARCHE SLAVE
Peter Ilych Tchaikovsky

1812 OVERTURE
Peter Ilych Tchaikovsky
















L-ewwel xogħol li ser jindaqq huwa valz mill-pinna tal-kompożitur Franċiż Emile Waldteufel – xogħol popolari miktub fl-1883. Dan il-kompożitur baqa’ magħruf għan-numru kbir ta’ valzi li kiteb, lura fis-seklu 19. Għal dan il-programm għażilna wieħed mill-aktar valzi popolari li jġib l-isem: Estudiantina.

Wara din il-kompożizzjoni mill-aktar ħelwa, ikun imiss li jindaqq arranġament tal-kanzunetta ferm popolari Thriller tal-kantant re tal-pop: Michael Jackson. Ġie deċiż li tindaqq din is-silta bħala tislima lil dan il-kantant kbir li ħalliena f’Ġunju li għadda. L-għażla bla dubju waqgħet fuq il-kanzunetta Thriller – kanzunetta li tibqa’ magħrufa bħala l-akbar suċċess ta’ dan il-kantant. Il-kanzunetta nkitbet lura fl-1982 mill-kompożitur Inġliż Rod Temperton. L-arranġament ta’ din is-silta huwa ta’ Jay Bocook.

Mill-mużika popolari ta’ Michael Jackson ngħaddu għal kompożizzjoni oħra kolossali: Carmina Burana  ta’ Carl Orff. Minn dan ix-xogħol kbir, il-banda ser iddoqq l-ewwel parti minn din il-cantata: Fortuna Imperatrix Mundi (Fortune, Empress of the World). Għal darb’oħra l-arranġament ta’ din il-kompożizzjoni huwa ta’ Jay Bocook.

Ma jistax jonqos li f’kunċert bħal dan tindaqq selezzjoni minn opra lirika. Għal din is-sena ġiet magħżula l-opra ta’ Georges Bizet: I Pescatori di Perle. Din l-opra fi tliet atti ġiet premiered f’Pariġi f’Settembru 1863. L-aria "Mi par d’udire ancora" tibqa’ fost l-aktar popolari mill-pinna ta’ dan il-kompożitur Franċiż. L-arranġament għall-banda hu tal-mibki Mro Giuseppe Giardini Vella, ex surmast direttur tal-banda La Stella.

Il-programm mużikali ser jagħlaq b’żewġ kompożizzjonijiet kbar tal-kompożitur Russu Peter Ilyich Tchaikovsky: il-Marcia Slava u l-1812 Overture. Mhix xi ħaġa komuni li dawn ix-xogħlijiet kolossali jindaqqu fl-istess programm mużikali, iżda fuq insistenza tas-surmast direttur tal-banda, il-Professur Joseph Vella, il-banda daħlet għal din l-isfida u tinsab preparata biex dawn ix-xogħlijiet jiġu esegwiti bl-aħjar mod possibbli. L-1812 indaqqet mill-banda tagħna fil-programm tat-23 t’April li għadda quddiem folla impressjonanti li mliet kull rokna fi pjazza San Ġorġ. Wara s-suċċess kbir milħuq f’dak il-programm u fuq talba ġenerali din il-kompożizzjoni ser terġa’ tiġi esegwita u ser tagħlaq bil-kbir dan il-programm mużikali annwali li ġej.

Dan il-programm mużikali ser jagħlaq bl-aqwa mod possibbli t-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Il-banda taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella ser tibqa’ għaddejja bil-kunċerti preparatorji tagħha fil-ġimgħat li ġejjin, biex nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru terġa’ toħroġ bl-unuri u tagħti programm mużikali eżemplari: programm li mill-ġdid għandu jikkonferma l-post pretiġjuż li tgawdi l-banda ċittadina u dekana La Stella fil-qasam bandistiku lokali.