Join Us On:

News Archive

IL-PROGRAMM MUŻIKALI ANNWALI FIL-15 TA’ DIĊEMBRU

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” qed tħabbar li l-Programm Mużikali Annwali tal-banda ċittadina “La Stella” ser jittella’ nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru, 2007 fis-7.30pm. Dan il-kunċert annwali li kien pjanat li jsir fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru, din id-darba ser isir aktar tard, minħabba l-impenji numerużi li kellha l-banda in konnessjoni mal-festi tal-pussess ta’ l-Arċipriet il-ġdid tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.

Tul din is-sena l-banda “La Stella” diġa’ tellgħet tliet programmi mużikali, kollha fil-belt Victoria – wieħed fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ San Ġorġ, ieħor bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-tielet anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-ieħor fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria. Barra dawn it-tliet programmi, il-banda tagħna ġiet mistiedna wkoll tesegwixxi numru ieħor ta’ programmi mużikali f’diversi rħula tul l-istaġun tal-festi, is-sajf li għadda.

Il-Programm tal-15 ta’ Diċembru huwa meqjus mis-Soċjetà, bħala l-aktar impenn importanti fil-kalendarju tal-banda tagħna. Il-preparazzjoni għalih bdiet lejn l-aħħar ta’ Settembru fejn il-kummissjoni banda f’konsultazzjoni mas-surmast direttur għażlu s-siltiet li ser jindaqqu fil-programm li ġej. Il-mużika magħżula, li ser titħabbar fil-ġranet li ġejjin fiha firxa ta’ mużika operistika, mużika klassika, u mużika kontemporanja.

Għal numru twil ta’ snin, dan il-programm annwali kien isir fi Pjazza Indipendenza, iżda minħabba li t-temp mhux dejjem ippermetta, tul dawn l-aħħar snin din id-drawwa waqfet u l-programm beda jsir fit-teatru tas-Soċjetà, it-teatru Astra, post li bla dubju aktar jixraq għal avveniment bħal dan. M’hemmx dubju li dan il-kunċert sinfoniku għandu għal darb’oħra jiġbed attendenza numeruża. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn. Aktar dettalji dwar il-Programm Mużikali Annwali jitħabbru aktar tard fuq dan is-sit.

Intant, qabel il-Programm Annwali l-banda ċittadina “La Stella” ser tkun impenjata fi tliet servizzi oħra fil-Fontana u fil-belt Victoria. L-ewwel servizz ser ikun proprju nhar il-Ħadd 2 ta’ Diċembru, fejn il-banda ser takkumpanja l-purċissjoni bl-istatwa ta’ Sant’Indrija fil-Fontana. Imbagħad ikun imiss servizz ieħor nhar is-7 ta’ Diċembru, fejn fl-okkażjoni tal-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni l-banda ser tagħmel marċ brijuż madwar it-toroq ewlenin tal-belt u l-għada, jum il-festa, il-banda tilqa’ l-istatwa bid-daqq ta’ l-innu l-kbir u wara takkumpanja l-purċissjoni devota bl-istatwa ta’ Marija Immakulata.