IL-PROGRAMM ANNWALI TAL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA
Il-bieraħ filgħaxija wasal fi tmiemu Festival Mediterranea bil-programm annwali mill-Banda Ċittadina La Stella. Il-banda kienet taħt it-temxxija tas-surmast il-Prof Joseph Vella. Is-serata kienet ippreżentata minn Ms Lorna Tabone.
Matul il-programm il-Banda La Stella daqqet diversi biċċiet varjati mir-repertorju mużikali tagħha. Il-kunċert beda b’ Where Eagles Dare ta’ R. Goodwin fuq arranġament tal-bandist u solista tagħna Mario Galea. Wara kien xieraq li tindaqq selezzjoni minn Lucia di Lammermoor ta’ Donizetti fuq arranġament ta’ C. Boose u biċċa klassika oħra ta’ Rossini, Semiramide (Overture). Il-kunċert kompla bid-daqq ta’ La Storia ta’ Jacob de Haan u dritt wara Puccini in Concert b’ arranġament ta’ W. Hautvast. Il-biċċa ta’ qabel tal-aħħar kienet arranġament ta’ M. Schneider Top Hits for Band fejn kien fiha siltiet minn suċċessi bħal I will Survive, Fame u oħrajn. Kien jixraq li il-kunċert jispiċċa b’ kompożizzjoni grandjuża tal-Prof Joseph Vella, Pezzo Sinfonico fost iċ-ċapċip tal-udjenza. Is-solisti matul il-kunċert kienu Mario Galea fuq il-klarinett, Robert Buttigieg fuq it-trumpet, Tony Borg fuq l-althorn u Anton Sacco fuq l-euphonium.
Ta’ dan il-kunċert wieħed irid jirringrazza l-ewwel nett lis-Surmast Vella tat-tħejjija, lil dawk li ħadmu fil-bżonnijiet loġistiċi, kif ukoll lill-bandisti kollha. Min hawn il-banda tagħna tagħmel appuntament għal impenn importanti ieħor – il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.
(Ritratti tal-bieraħ jiġu uploaded aktar tard) (Ir-Ritratt fit-title page huwa ta’ Joe Attard meħud mill-kunċert tal-2015)