IL-PLAY “DOUBT” FIT-TEATRU ASTRA
Festival Mediterranea 2014 se jintemm fi tmiem il-ġimgħa li ġej bil-preżentazzjoni ta’ dramm Doubt ta’ John Patrick Shanley. Id-dramm se jsir fit-Teatru Astra nhar is-Sibt 22 u l-Ħadd 23 ta Novembru 2014 fis-7pm.
Il-play Doubt saret għall-ewwel darba fl-2004 u tnediet fil-Manhattan Theatre Club fl-Amerika. Din il-play saret 525 darba u rebħet bosta premijiet prestiġġjużi. Il-play aktar tard saret film b’artisti importanti bħal Philip Seymour Hoffman u Meryl Streep.
Il-play teħodna lura fi skola fi Bronz fl-1964 fejn tlaqqana mal-personaġġi ta’ Father Flynn, Sister Aloysius, Sister James u Mrs Muller. Il-partijiet se jkunu maħdumin minn George Camilleri, Maria Schembri, Julia Camilleri u Paula Harris Cassar rispettivament. Il-play se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mario Tabone.
Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ bil-prezz ta’ €5 u jistgħu jinxtraw mill-Bar tat-Teatru Astra. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq 21550985 jew [email protected]. Dawn ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru fil-weekend meta l-Gozo Channel se tkun bil-prezzijiet tal-biljetti ridotti fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex.
(Ritratti: Tonio Schembri)