Join Us On:

News Archive

IL-PLAY ‘DE PROFUNDIS’ FIT-TEATRU ASTRA

de profondis poster copy

B’kollaborazzjoni mat-tim maniġerjali tat-Teatru Astra u l-uffiċju ta’ informazzjoni u kultura ta’ Għawdex, il-Gozo Creative Theatre Club ser itella’ il-produzzjoni De Profundis mill-awtur u poeta Oscar Wilde. Din il-produzzjoni ser tkun mtella’ bħala parti mill erbatax-il edizzjoni tal-Festival Meditteranea.

De Profundis ġiet miktuba meta Wilde kien maqful għal ċertu prattiċi “mhux naturali” li kien instab ħati għalihom. Dan id-dramm jieħu l-forma ta’ ittra lis-sinjur maħbub tiegħu Alfred Douglas. Din l-ittra awtobijografika ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1905. Dan fuq arranġament li kien għamel Oscar Wilde nnifsu ma’ Robert Ross, li kien żaru l-ħabs u eventwalment sar l-eżekutur letterarju tiegħu.

De Profundis hija tentattiv awtobijografiku sabiex wieħed jifhem in-natura tal-ħajja u x-xogħol ta’ Wilde. Din il-produzzjoni tirrifletti b’mod brillanti fuq l-arti, l-imħabba, il-maħfra, is-sinifikat ta’ Kristu u l-karattru u l-fallimenti ta’ Wilde innifsu. Din l-istorja tipprovdi dettalji ta’ relazzjoni mqallba. Wara kollox din l-ittra testment li Wilde ħallielna bħala artist hija ittra li kull wieħed minna seta’ kiteb … jekk mhux bil-pinna, fil-ħsibijiet tiegħu.

Din il-produzzjoni ser tiġi mtella’ minn George Mizzi, id-direttur artistiku tal-grupp teatrali, bil-parteċipazzjoni ta’ kast superb – fosthom George Camilleri, Charlene Galea, Darren Muscat u Lily Said. Il-korjografija ta’ din il-produzzjoni hija f’idejn Christabel Bajada.

De Profundis ser narawh fit-Teatru Astra, Victoria, Għawdex nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru 2015 fis- 7.30pm. Il-biljetti li jiswew €5.00 jinxtraw fil-bieb. Jistgħu jattendu mhux aktar minn 200 persuna u min jaħseb kmieni, jiġi moqdi l-ewwel.