Join Us On:

News Archive

IL-MUSICAL ‘CINDY’ FIT-TEATRU ASTRA

Nhar is-Sibt li ġej, 29 ta’ Marzu 2008, fit-Teatru Astra tal-belt Victoria ser jittella’ l-musical ‘Cindy’. Dan il-musical huwa wieħed modern fuq kitba ta’ Mike Smith u Wilf Tudor. Dan il-musical mill-aktar divertenti ser jittella’ mill-istudenti ta’ l-iskola sekondarja Aguis de Soldanis tal-belt Victoria, li tifforma parti mill-Gozo College. Partijiet żgħar minn din il-musical ittellgħu waqt jum il-premjazzjoni ta’ din l-iskola fl-istess teatru, iżda din id-darba taħt il-gwidu tad-direttur artistiku Għawdxi George Mizzi, dan il-grupp ta’ studenti flimkien ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskola daħlu għal sfida akbar – dik li jtellgħu l-musical kollu kemm hu.

Għad-direttur artistiku George Mizzi, din żgur li mhux ser tkun l-ewwel esperjenza tiegħu fit-teatru tagħna. Fil-fatt is-Sur Mizzi tella’ numru kbir ta’ produzzjonijiet f’dan it-teatru ewlieni ta’ gżiritna li kollha kisbu suċċess. F’din il-produzzjoni George Mizzi ser ikun qed jaħdem b’madwar 100 persuna li fil-maġġoranza tagħhom huma studenti u għalliema ta’ l-iskola sekondarja Agius de Soldanis. M’hemmx dubju li l-ħidma kbira li saret ma’ dawn l-istudenti ser tħalli l-frott.

Il-premier ta’ dan il-musical, saret ġewwa Wells Cathedral School fir-Renju Unit. Iżda dan il-musical ser ikun qed jittella’ għall-ewwel darba f’pajjiżna għall-pubbliku nhar is-Sibt li ġej. Fil-fatt minbarra nhar is-Sibt, dan il-musical ser jittella’ darbtejn oħra din il-ġimgħa għall-istudenti ta’ l-iskejjel Għawdxin – il-Ħamis 27 u l-Ġimgħa 28 ta’ Marzu, filgħodu. Imbagħad is-Sibt il-musical li ser ikun miftuħ għall-pubbliku ġenerali jibda fis-7.30pm. Il-bookings jinsabu mifuħa. Il-biljetti jistgħu jinkisbu mit-Teatru Astra (Mob: 99228229); mill-iskola Sekondarja Agius de Soldanis (Mob: 79303101; 21556189); u minn XT Communication-Entertainment ġewwa Tiġrija Palazz (21555744). Aħsbu kmieni għall-biljetti biex ma tiddiżappuntawx ruħkom.