Join Us On:

News Archive

IL-MARĊ KOLOSSALI TA’ LEJLET IL-FESTA

Is-Sibt, 14 ta’ Lulju, filgħaxija komplejna biċ-ċelebrazzjonijiet kbar f’ġieħ San Ġorġ Martri patrun u protettur ta’ beltna. Hekk kif intemmu ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi fil-bażilika, fil-pjazza tagħna kellna programm mill-aqwa mill-banda ċittadina “King’s Own” tal-belt Valletta. F’dan il-programm il-banda beltija fetħet il-programm tagħha bid-daqq ta’ l-innu “Lil Kbir Martri San Ġorġ”. Wara daqqet sitt siltiet mużikali mill-isbaħ li kienu l-“Overture No. 1” ta’ Sunny Galea; “Impressions from Seville” ta’ H. Simeone; “Semiramide” ta’ Rossini; “Peer Gynt Suite no. 1” xogħol mill-aqwa ta’ Grieg, u fl-aħħarnett in-“Nessun Dorma” mill-opra Turandot ta’ Giacomo Puccini. Il-banda “King’s Own li kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro John Galea, għalqet il-programm bid-daqq tal-marċ “Omaggio alla King’s Own” ta’ F. Gobet.

Hekk kif intemm dan il-programm kien imiss lill-banda ċittadina “La Stella” li ssib postha fuq il-palk, biex minn hemm bis-sehem ukoll tas-solisti u l-kor, issellem lil San Ġorġ bid-daqq ta’ l-innu “A San Giorgio Martire” innu immortali ta’ Giuseppe Giardini Vella. Wara li ntemm l-innu fost iċ-ċapċip tal-folla, beda marċ singolari u trijonfali miż-żewġ baned ċittadini. Qabel beda dan il-marċ, kien hemm marċ ieħor mill-banda San Girgor ta’ Kerċem minn pjazza San Ġorġ sa pjazza San Franġisk, fejn hemm esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Mark Gauci.

Intant, iż-żewġ baned bdew resqin lejn Pjazza Indipendenza, fejn hemm sibna folla grandjuża tistenna liż-żewġ baned. Dan il-marċ huwa mfittex ħafna, għax fih jieħdu sehem żewġ baned bi storja kbira, li lkoll igawdu stima kbira minn eluf ta’ ammiraturi. Marċ kbir, li jsir fiċ-ċentru ta’ beltna, fejn l-ispettaklu l-kbir isir quddiem il-każin tal-banda “La Stella”, spettaklu li jferraħ u jagħti pjaċir, mingħajr ma joħloq provokazzjonijiet. Aħna ta’ l-iStilla għalhekk magħrufin. Kapaċi nagħmlu festa kbira, mingħajr provokazzjonijiet żejda…festa ġol-qalba tal-belt, fejn b’xorti tajba jinsabu kemm il-bażilika kif ukoll il-każin tal-banda.

Hekk kif il-marċ wasal fil-bidu ta’ triq ir-Repubblika, iż¬-żewġ baned ċittadini ngħaqdu f’massed band, fejn indaqqu bosta marċi popolari fosthom l-innu “Lil Kbir Martri San Ġorġ”, l-innu “La Stella” u l-marċ “Forza Ġorġjani”. Il-baned bil-kemm setgħu jimxu bil-folol kbar li kien hemm. Dan jista’ jixhduh dawk kollha li kienu preżenti għal dan il-marċ, Maltin, turisti, u eluf ta’ Għawdxin. Malli l-marċ wasal quddiem il-każin, il-kurunettisti telgħu jdoqqu mill-gallarija tal-każin, ġest li issa sar tradizzjoni f’dan il-mument tal-festa. Mad-daqq ta’ l-innu, fost il-briju kbir u uniku miż¬-żgħażagħ Ġorġjani, inkixfet is-sorpriża, biċċa xogħol mill-isbaħ, maħduma mill-membri ta’ l-Għaqda Żgħażagħ, li bla dubju kompliet issebbaħ l-atmosfera festiva ta’ dan il-marċ. Waqt l-innu, dawk l-eluf li kienu preżenti setgħu jgawdu wkoll logħob tan-nar ta’ l-ajru mill-isbaħ, maħruq minn fuq il-bejt tal-każin. Il-marċ, li għamel ħin twil fi Triq ir-Repubblika, intemm fi Pjazza San Franġisk, l-akbar pjazza f’beltna, li wkoll kienet fgata bin-nies, biex isegwu l-logħob tan-nar ta’ l-art, spettaklu ieħor li jkompli jkabbar il-festa tagħna. Tassew kien jum ieħor ta’ ċelebrazzjonijiet kbar…ċelebrazzjonijiet uniċi f’festa tal-festi…il-festa ta’ Ġorġi tagħna!