Join Us On:

News Archive

IL-LIBSA TAL-FESTA

Fergħa oħra mill-aktar ħabrieka fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella hija l-Għaqda tal-armar tal-festa – fergħa li sena wara sena tibqa’ dejjem tissorpredina bl-ammont u bil-kwalità ta’ armar li jiżżanżan għall-festa ta’ beltna – armar mill-isbaħ li jlibbes lil beltna l-isbaħ libsa għall-aktar avveniment importanti tagħha.
 
F’din il-paġna ser nagħtu ħarsa lejn ix-xogħlijiet ewlenin li saru u li għadu għaddej ix-xogħol fuqhom f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Bla dubju l-akbar proġett li qed taħdem fuqu din l-għaqda huwa l-planċier il-ġdid ta’ Pjazza San Ġorġ (disinn: Renzo Gauci) – proġett mill-aktar ambizzjuż mifrux fuq ħames snin. Din is-sena inħadmet is-sodda tiegħu magħmula minn ħadid b’forma ta’ nagħla (xogħol Donald Micallef, Manuel Farrugia, Felix Gauci u Raymond Farrugia). Sar ukoll l-injam tat-turġien (xogħol Ino Attard, Joe Buhagiar, Twanny Mizzi u Mario Attard). Il-ħadid u l-injam ġew miżbgħuha minn Mark Cremona, Kevin Vassallo u Gerald Agius, filwaqt li d-drapp li ser jgħatti temporanjament il-ħadid tal-planċier inħadem minn Nazzereno Galea u Charles Ballucci. Naturalment dan il-proġett jirrekkjedi somom kbar ta’ flus u hawn wieħed irid jirringrazzja lil dawk kollha li s’issa taw il-kontribuzzjoni b’risq il-planċier. Il-persuni li qed jieħdu ħsieb il-ġbir ta’ fondi għal din l-opra huma: Sammy Rapa, Ivan Galea, Toni Mercieca, Manuel Attard u Joseph Mercieca.
 
Għalkemm il-grupp kollu tal-armar bħalissa huwa l-aktar ikkonċentrat fuq il-proġett grandjuż li għadna kif semmejna, matul is-sena sar xogħol kbir ta’ restawr flimkien ma’ għadd kbir ta’ opri ġodda. Fost dawn ix-xogħlijiet insibu:
 
BRADELLA TAL-KEWBA
Din il-bradella nħadmet minn Ino Attard għall-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex.
 
TARAĠ ĠDID GĦALL-PEDESTALL TA’ SAN ĠORĠ – PJAZZA INDIPENDENZA Inbeda l-proċess ta’ restawr fuq dan il-pedestall uniku u l-eqdem wieħed fil-gżira Għawdxija. Kemm l-injam u anke ż-żebgħa tal-pedestall għadhom dawk oriġinali. Inħasset il-ħtieġa li t-taraġ jinbidel wara li ġarrab diversi ħsarat matul is-snin. (Xogħol ta’ ħadid – Josef Camilleri. Injam tat-taraġ – Ino Attard mgħejjun minn Joe Buhagiar u Raymond Farrugia).
 
PEDESTALLI TA’ PJAZZA SAN FRANĠISK
Wara li s-sena l-oħra dawn l-għaxar pedestalli ġew restawrati u mgħotija lura d-dehra oriġinali tagħhom, din is-sena ġew irħamati minn Joseph Cauchi mgħejjun minn Andrew Portelli, Joseph Schembri u Leli Attard. Qed tinħadem għalihom ukoll skultura fil-fajber.
 
TROFEJ TA’ PJAZZA SAVINA
Ġew restawrati erba’ trofej għal Pjazza Savina li qabel kienu jintramaw fi Pjazza San Ġorġ. Ir-rinovazzjoni tal-iskultura saret minn Michael Camilleri Cauchi. Ix-xogħol fuq l-injam sar minn Michel Buttigieg u Raymond Farrugia filwaqt li dak taż-żebgħa sar minn George Vassallo. Ix-xogħol tal-fajber sar minn George Mario Mizzi, Matthew Zammit u Noel Sultana.
 
BNADAR ĠODDA GĦALL-KAŻIN LA STELLA
Fuq inizzjattiva ta’ Raymond Farrugia ġew meħjuta ħames bnadar ġodda ta’ qisien differenti bl-emblema tas-Soċjetà La Stella. Il-ħjata saret minn Nazzarenu Galea u Charles Balluci.
 
BANDALORI TA’ PJAZZA SAVINA
L-għaqda tal-armar ħadet ukoll ħsieb biex tkompli ssebbaħ Pjazza Savina permezz ta’ seba’ bandalori kbar marbuta mas-suġġett speċifiku għal din il-pjazza – San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex. S’issa nħadmet bandalora waħda minn dan il-proġett ġdid fuq disinn ta’ Joseph Cauchi u ħjata minn Victor Said.
 
PAVALJUNI TA’ TRIQ PALMA
Matul din is-sena ġew meħjuta erba’ pavaljuni oħra għal triq Palma, biex hekk ġie fi tmiemu dan il-proġett ta’ tnax–il pavaljun. (Disinn: Joseph Cauchi; ħjata: Victor Said).
 
RESTAWR TAS-SANTI PADRI TA’ TRIQ IR-REPUBBLIKA
Sar ir-restawr fuq sitt Santi Padri (xogħol fuq stil neo klassiku ta’ Wistin Camilleri) li jintramaw fi triq ir-Repubblika. Ir-restawr ġie fdat f’idejn Adonai Camilleri Cauchi mgħejjun minn Carmel Farrugia. L-istatwi ġew indurati b’deheb ta’ erbgħa u għoxrin karat u l-ilbies tagħhom ġie anke ddamaskjat b’disinni ellokwenti.
 
STATWA ĠDIDA TA’ SAN PANTALEON
Din ser tkun is-sitt statwa minn sett ta’ għaxar martri għall-Pjazza Indipendenza. Ġiet maħduma minn Adonai Camilleri Cauchi.
San Pantaleon twieled fl-275 f’Nikomedija. Kien tabib u ġie ppersegwitat mill-Imperatur ta’ Kostantinopli Galerju minħabba l-fidi Kristjana li kien iħaddan. Sofra l-martirju fit-305 u huwa meqjus bħala l-patrun tat-tobba. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fis-27 ta’ Lulju. Meqjum b’għożża kbira f’Ravello l-Italja.
 
RESTAWR TA’ ŻEWĠ ANĠLI TA’ WISTIN CAMILLERI
Ir-restawr sar minn George Vella. Dawn l-anġli (sett ta’ tmien anġli b’simboli tal-martirju f’idejhom) jintramaw fi Triq Vajrinġa u qabel kienu fi Pjazza San Ġorġ.
 
TLESTIJA TAL-VARA TA’ SAN ĠORĠ PATRUN TA’ GĦAWDEX
Xogħol Michael Camilleri Cauchi – Din is-sena tkompla x-xogħol tal-induratura u sfumar ta’ paneġġi kif ukoll saru l-aċċessorji kollha tal-white metal, fuq din l-istatwa xogħol Michael Camilleri Cauchi, li ġiet imżanżna s-sena l-oħra.
 
TLESTIJA TAL-ISKULTURA TAL-PEDESTALLI TA’ ĠERONZJU U POLIKRONJA
Tkompla x-xogħol fuq l-iskultura tal-pedstalli ta’ Ġeronzju u Polikronja. Dawn ġew indurati u uħud minnhom ġew miżbugħa bil-bronż. Dawn iż-żewġ pedestalli b’dehra sabiħa u majestuża ser ikomplu jsebbħu pjazza San Ġorġ.
 
Il-kumitat ħabrieki responsabbli minn din l-għaqda huwa ffurmat minn: Raymond Farrugia (President); Joseph Cauchi (Viċi President); Victor Said (Segretarju); Manuel Farrugia (Assistent Segretarju); Ino Attard (Kaxxier); u Manuel Attard (Assistent Kaxxier). Il-membri l-oħra f’dan il-kumitat huma: Andrew Portelli, Michel Buttigieg, Matthew Zammit, Josef Camilleri, Joseph Schembri, Carmel Farrugia, Noel Sultana, Donald Micallef, Twanny Mizzi, Kevin Vassallo, George Camilleri, u Mark Cremona.