IL-KUNĊERT FINALI … SUĊĊESS KBIR !
Ilbieraħ filgħaxija l-Bażilika ta’ San Ġorġ laqgħet fi ħdanha waħda mill-akbar folol li qatt rat biex tassisti għall-għeluq tas-Sittax-il Edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival. Il-Kunċert Finali, li kien taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, direttur artistiku tal-Festival u maestro di cappella tal-Bażilika, ippreżentalna biċċa xogħol ġdida ta’ dan il-kompożitur: They Hyland Mass op. 130, kompożizzjoni għal orkestra, kor u ħames solisti. Ħadu sehem l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Kor tal-Bażilika Laudate Pueri. Dan kien bidu mill-aqwa għall-Ġimgħa tal-Festa u l-appuntamenti kbar li għandna quddiemna fil-jiem li ġejjin. Għall-kunċert attendew l-ogħla dinjitarji, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kapitlu Ġorġjan u l-kleru tal-parroċċa, bosta mistednin u għadd kbir ta’ parruċċani u dilettanti tal-mużika.