Join Us On:

News Archive

IL-KAN. JOE ZAMMIT IFAKKAR IL-ĠUBLEW PRESBITERALI TAL-FIDDA

Nhar il-Ħadd 16 ta’ Awwissu, il-Kan. Joe Zammit, arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Qala, u Kanoniku tal-Kolleġġjata Ġorġjana, iċċelebra l-ħamsa u għoxrin anniversarju presbiterali tiegħu fil-belt Victoria, il-belt fejn huwa twieled u trabba. Għal din l-okkażjoni l-banda ċittadina La Stella laqgħet lill-Kan. Zammit fi Triq ir-Repubblika u akkumpanjatu bid-daqq ta’ marċi brijużi sal-bażilika protoparrokkjali ta’ San Ġorġ fejn hemm mexxa quddiesa ta’ radd il-ħajr. Il-Kan. Joe Zammit kien akkumpanjat minn ommu, ħutu u l-familji tagħhom, mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, u Dun Geoffrey G. Attard.

Il-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-maqdes Ġorġjan, omm il-parroċċi tal-gżira Għawdxija, kienet animata mill-kor tal-bażilika Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. George Frendo. L-omelija f’din l-okkażjoni saret mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia. Kif kien xieraq din il-quddiesa solenni xxandret ukoll b’mod dirett fuq ir-radju Leħen il-belt Victoria u r-radju Leħen il-Qala, żewġ radjijiet komunitarji tal-belt Victoria u tal-Qala.

Il-Kan. Joe Zammit twieled fit-2 ta’ April 1959 fil-belt Victoria, f’familja ta’ disat aħwa. Fl-iskejjel tal-istess belt irċieva l-edukazzjoni tiegħu li wasslitu biex jidħol is-Seminarju Maġġuri u jirċievi l-ordinazzjoni presbiterali fil-31 ta’ Mejju 1984 minn idejn il-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II, fil-bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan. Wara erba’ snin ta’ studju fl-Università Pontifiċja tal-Lateran f’Ruma u taħriġ fit-Tribunal tar-Romana Rota, fl-1994 kised id-dottorat Summa cum laude fil-Liġi Kanonika u Ċivili. L-ewwel ħidma pastorali Dun Joe għamilha f’Ruma stess, fil-parroċċa ta’ San Ljun il-Kbir. Għal disa’ snin ħadem ukoll f’ċentru internazzjonali għall-vokazzjonijiet, żmien li fih kellu x-xorti jorganizza laqgħat għas-seminaristi ta’ bosta pajjiżi. L-isqof Nikol Ġ. Cauchi ħatru mħallef fit-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex, waqt li aktar tard l-arċisqof Ġużeppi Mercieca sejjaħlu wkoll biex jgħin f’dak ta’ Malta. Għallem fis-Seminarju Minuri ta’ Għawdex, waqt li kien għal żmien twil direttur tal-Pre-Seminarju djoċesan sa mit-twaqqif tiegħu. Hu d-delegat djoċesan għall-professjonisti Għawdxin kif ukoll il-kappillan tal-Gozo Channel Co. Ltd. Dun Joe hu paneġirista mill-aqwa, u filfatt fl-2008 ippubblika ġabra ta’ paneġierki tiegħu, Ħarsa lejn il-Qaddisin fis-Sema.  Wara snin twal vigarju parrokkjali tal-Qala, fl-2005 ġie maħtur arċipriet ta’ dik il-parroċċa. Ma’ din il-ħatra ġie mistieden ikun ukoll membru onorarju tal-kolleġġjata lateranensi ta’ San Ġorġ. Minkejja l-ħidma tiegħu għal tant snin barra mill-parroċċa tal-għeruq, il-Kan. Joe Zammit għadu jsib l-okkażjonijiet biex ikun preżenti fil-liturġiji l-kbar li jsiru fil-bażilika Ġorġjana, waqt li mhux l-ewwel darba li narawh isebbaħ b’leħnu l-kant polifoniku tal-iSchola Cantorum tal-bażilika.

Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tixtieq tingħaqad mal-komunita’ kollha Ġorġjana biex tifraħ lill-Kan. Joe Zammit f’għeluq il-25 anniversarju presbiterali tiegħu u tawguralu Ad Multos Annos!