Join Us On:

News Archive

IL-ĠIMGĦA MQADDSA FIL-BELT VICTORIA

Fil-ġranet li għaddew il-knisja kattolika ċċelebrat il-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, u l-qawmien tiegħu mill-mewt. Fil-belt Victoria, bħal numru kbir ta’ rħula u bliet Maltin u Għawdxin ġew iċċelebrati dawn il-festi, fejn saru kemm il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll id-dimostrazzjoni reliġjuża ta’ Kristu Rxoxt. Din is-sena f’beltna kienet biss il-purċissjoni mill-bażilika ta’ San Ġorġ li ħarġet, dan għaliex il-parroċċa tal-Katidral għażlet għal diversi raġunijiet li ma toħroġx il-purċissjoni tagħha.

Għalhekk nhar il-ġimgħa li għaddiet, proprju fil-jum li ċċelebrajna l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, mill-bażilika urbana ħarġet l-eqdem purċissjoni li qatt eżistiet fil-gżira Għawdxija – purċissjoni li kienet akkumpanjata mill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ tal-belt Victoria bid-daqq ta’ marċi funebri (marċi ġodda li jinsabu lkoll irrekordjati fuq CD bl-isem ta’ ‘Salvator Mundi’). Hekk kif intemmet il-funzjoni fil-bażilika, il-pjazza mtliet bin-nies biex isegwu l-ħruġ ta’ din il-purċissjoni mill-aktar antika u devota. Min-numru kbir ta’ purċissjonijiet madwar Malta u Għawdex, il-purċissjoni tal-belt Victoria ngħatat prominenza fuq il-ġurnal ‘The Malta Independent’ tas-Sibt 22 ta’ Marzu 2008, fejn kif tistgħu taraw ukoll fis-sezzjoni tar-ritratti ġabet ritratt kbir fuq il-faċċata tagħha tal-vara l-kbira hi u ħierġa mill-bażilika. Imbagħad fuq paġna tlieta ta’ l-istess ġurnal flimkien ma’ artiklu dwar il-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna, kien hemm żewġ ritratti oħra bil-kulur tal-fotografu Ben Borg Cardona, tal-purċissjoni li ħarġet mill-bażilika ta’ San Ġorġ. Dan bla dubju jkompli juri kemm il-purċissjoni tagħna hija waħda mill-aktar popolari fil-gżejjer Maltin, u dan ukoll setgħu jikkonfermawh in-numru kbir ta’ Maltin u turisti li segwew mill-pjazza l-ħruġ tal-purċissjoni kollha mill-bażilika.

Il-banda ‘La Stella’ bdiet is-servizz tagħha billi sabet postha bilqiegħda fil-ġenb tal-pjazza u akkumpanjat il-ħruġ tal-ewwel ħames vari bid-daqq ta’ marċi funebri. Imbagħad mal-wasla tal-vara l-kbira fil-bieb ewlieni tal-bażilika, il-banda sabet postha quddiem il-vara u mmarċjat madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna fejn kompliet tesegwixxi numru ta’ marċi funebri mill-isbaħ u uniċi.

F’Ħadd il-Għid – l-akbar festa għall-knisja kattolika, mill-bażilika ta’ San Ġorġ għall-ħabta tad-disgħa ħarġet ukoll il-vara mill-aktar artistika ta’ Kristu Rxoxt, xogħol fl-injam ta’ Alfred Camilleri Cauchi, li kienet akkumpanjata madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna mid-daqq tal-valzi mill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’. Eżatt kif intemmet din id-dimostrazzjoni reliġjuża li ġibdet ukoll l-interess ta’ numru kbir ta’ Maltin u turisti, l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech mexxa pontifikal solenni ta’ l-Għid il-Kbir fil-bażilika urbana.

Aktar ritratti tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-kbira u tad-dimostrazzjoni ta’ l-Għid jittellgħu aktar tard.

Ritratti: JOE ATTARD