Join Us On:

News Archive

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA FIL-BELT VICTORIA

Illum id-dinja kattolika tfakkar il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. F’pajjiżna, f’numru kbir ta’ lokalitajiet isiru purċissjonijiet li jfakkru l-passjoni ta’ Kristu. F’beltna wkoll, illum wara nofsinhar toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, purċissjoni mill-aktar antika u devota li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ – l-eqdem waħda fi gżiritna (pre-1788). 

Fit-3.00 ta’ wara nofsinhar, Mons Pawlu Cardona, arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġorġ imexxi l-liturġija solenni b’tifkira tal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika. Eżattament wara din il-funzjoni, għall-ħabta tal-5.30 tibda ħierġa l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mill-istess bażilika. Hawn il-banda ċittadina La Stella ssib postha fil-pjazza fejn takkumpanja l-ħruġ tal-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi funebri. F’din l-okkażjoni l-banda ser iżżanżan sett ġdid ta’ marċi li nħareġ ukoll fuq CD volum 22 li jġib l-isem: Una Lacrima. Imbagħad hekk kif titfaċċa l-vara l-kbira bil-kurċifiss mirakuluż, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi (1848), il-banda ssib postha quddiem il-vara u tkompli takkumpja l-purċissjoni madwar it-toroq ewlenin ta’ beltna. F’din il-purċissjoni tieħu sehem ukoll il-banda Konti Ruġġieru tar-Rabat Malta, u l-kor Laudate Pueri li jesegwixxi motetti sagri.

Aktar tagħrif fuq il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u sehem il-banda La Stella f’dawn il-festi, fil-jiem li ġejjin.

Ritratti mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira 2009 tal-fotografu Joe Attard.