Join Us On:

News Archive

IL-FESTIVAL KANTAMAGĦNA, NHAR IS-SIBT FIT-TEATRU ASTRA

Nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru fit-Teatru Astra ser tkun qed tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-festival “Kantamagħna” – festival għal kantanti tfal u żgħażagħ bejn 9 u 25 sena, organizzat minn DCapitals Big Band.

DCapitals hija band Għawdxija li ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar ħames snin. Matul dan iż-żmien, il-band stabbiliet ruħha u tellgħet għadd ta’ kunċerti kbar kemm f’Għawdex, f’Malta, kif ukoll fi tliet okkażjonijiet barra minn xtutna. DCapitals huma wkoll l-organizzaturi taċ-Cittadella Arts Festival – festival ta’ arti, mużika u teatru, li jittella’ matul ix-xhur tas-sajf f’Għawdex. Kantamagħna hija waħda mill-aktar inizjattivi riċenti ta’ din il-band.

Dan il-festival ser ikun qiegħed jagħti opportunità lil diversi tfal u żgħażagħ li jkantaw ma’ live band bi tmintax-il element mużikali f’wieħed mit-teatri ewlenin f’pajjiżna. Dan mingħajr ebda dubju jiddistingwi dan il-festival minn festivals oħra f’pajjiżna. Il-band taħt id-direzzjoni tas-Surmast George Apap ser tkun qed takkumpanja lill-24 finalist li ser jiġu mqassma fi tliet kategoriji skont l-età tagħhom. Dawn il-kantanti għaddew mill-fażi ta’ awdizzjonijiet li saru aktar kmieni f’Ottubru. Kategorija A ser tiġbor fiha kantanti bejn 9 u 12-il sena; Kategorija B kantanti bejn 13 u 16-il sena u Kategorija Ċ għal kantanti bejn 17 u 25 sena. Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija ser jingħataw premju, u r-rebbieħ ‘overall’ tal-festival’ ser jiġi mogħti sena kuntratt ta’ DCapitals bil-għan li jikseb aktar esperjenza u jieħu sehem f’għadd ta’ avvenimenti u kunċerti li jkollha l-band matul is-sena kemm f’pajjiżna u anke barra minn xtutna.

Tajjeb ngħidu wkoll li waqt dan il-festival ser jingħata tribut lill-mibki, il-Professur Joseph Vella, direttur mużikali tat-Teatru Astra għal bosta snin, fejn ser titkanta kanzunetta miktuba u kantata minnu stess fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija fis-snin sittin. Il-kanzunetta ġġib l-isem “Kif qatt nista’” u l-isem oriġinali tagħha huwa “Confesso”. Il-kanzunetta kienet ġiet kantata fis-snin sebgħin u tmenin mill-grupp popolari Għawdxi The Tramps. Fil-festival tas-Sibt li ġej ser nisimgħu arranġament ġdid ta’ din il-kanzunetta (arranġament ta’ Joseph Debrincat) li ser tkun qed tindaqq għall-ewwel darba fil-gżira Għawdxija, proprju f’din l-okkażjoni.

Kantamagħna qiegħed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u Distinct Homes. Id-dħul għal dan il-festival huwa mingħajr ħlas. Kulħadd huwa mistieden jattendi. Il-festival jibda fis-7.30pm. Il-pubbliku huwa ġentilment mitlub li jkun bilqiegħda fis-7.15pm.

4

3

2

1