Join Us On:

News Archive

IL-FESTA WASLET !

Bħalma jixhed it-tiżjin fit-triqat tagħna l-festa waslet ! Din il-ġimgħa jintlaħaq il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa titulari ta’beltna f’ġieħ San Ġorġ Martri patrun t’Għawdex.

Illum huwa l-aħħar jum tan-Novena tal-2016 li servew ta’preparazzjoni għall-festa fejn uliedna attendew bi ħġarom. Għada jkollna t-tiġrijiet taż-żwiemel ġewwa Triq ir-Repubblika mis-7pm lura.  Aktar tard, fit-8pm jkollna l-kunċert tal-għeluq tal-VIAF taħt it-tmexxija tal-Prof. Joseph Vella, Surmast Direttur tal-Banda tagħna, bis-sehem tal-orkestra nazzjonali.  Imbagħad mit-Tlieta lura jibdew l-attivitajiet kollha tal-festa kif indikati fil-programm li ħareġ mill-parroċċa.

Importanti li nagħtu mportanza wkoll lill-attivitajiet interni fil-Bażilika tagħna bħat-Tridu Solenni li naturalment jibda nhar il-Erbgħa. Nieħdu gost ukoll ninnotaw li l-festa qed tkompli tikber b’xogħol ġdid fejn jidħol armar, programm varjat tan-nar, il-briju taż-żgħażagħ u l-baned li din is-sena minbarra numru ta’ baned Għawdxin li se jieħdu sehem għandna wkoll numru rekord ta’ baned ewlenin Maltin. Il-baned minn Għawdex jinkludu tal-Mnarja tan-Nadur, Santa Margerita ta’ Sannat, Santa Marija taż-Żebbuġ, u Ite ad Joseph tal-Qala. Il-baned Maltin jinkludu ż-żewġ baned tal-Belt Valletta, il-King’s Own u La Vallette, it-tnejn ta’ San Ġorġ ta’ Hal-Qormi, Aniċi u San Ġorġ, ta’ Santa Elena ta’ Birkirkara u ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq.

Nixtiequ nirringrazzaw ukoll lil dawk li attendew għall-BBQ ta’ nhar il-Ġimgħa b’riżq il-festa. Waqt il-BBQ ħadu sehem il-kor tat-Teatru Astra Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai u l-kantanta Michela Pace.

Fuq nota differenti, il-bieraħ filgħaxija, il-Kor tat-Teatru Astra Piccole Stelle ħa sehem ukoll waqt l-attivitajiet marbuta mal-ftuħ tar-rinnovazzjoni u restawr taċ-Ċittadella. Prosit tassew tal-impenn.

2016-07-09 20.51.26 cover cd banda festa 2013