Join Us On:

News Archive

IL-FESTA TAL-PATRUN

Illum, il-knisja f’Għawdex qed tfakkar is-solennita’ tal-qaddis protettur tagħha San Ġorġ Megalomartri. Il-qofol ta’ dawn il-festi f’ġieħ il-Patrun tagħna jintlaħqu fil-bażilika Ġorġjana f’beltna, illejla fis-7.00pm b’pontifikal solenni mmexxi mill-E.T. Isqof t’Għawdex, Mons. Mario Grech, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika. 

Jum il-festa jiftaħ kmieni fit-8.30am biċ-ċelebrazzjoni solenni tat-tifħir ta’ sbiħ il-jum immexxija mill-Arċipriet, Mons. Pawlu Cardona fil-bażlika. F’12.30pm, fil-każin La Stella ser tiġi organizzata l-ikla tal-festa li għaliha huma mistednin il-partitarji kollha Ġorġjani. Filgħaxija mbagħad, wara l-pontifikal, li fih ser tiġi esegwita l-Missa Sanctae Joannis Baptistae mill-kor Laudate Pueri u l-orkestra taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella; il-banda ċittadina La Stella ser tagħmel dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ (Austin Camilleri, 1991) minn Pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika, quddiem il-każin tas-Soċjeta’. 

Il-festa liturġika ta’ San Ġorġ qed tiġi ċċelebrata f’din il-ġurnata, minħabba l-fatt li din is-sena fuq il-kalendarju liturġiku Ruman, il-jum tat-23 t’April ħabat ma’ Sibt il-Għid, u għalhekk ġiet magħżula d-data tas-6 ta’ Mejju – data li fiha jiġi mfakkar dan il-qaddis kbir f’bosta knejjes Ortodossi tal-Lvant li josservaw il-kalendarju Ġuljan.

Minn din il-paġna nixtiequ nawguraw lill-Ġorġjani kollha: IL-FESTA T-TAJBA!