IL-FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI
L-aktar festa popolari xitwija li tiġi ċċelebrata fil-Belt Victoria hija l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li tiġi organizzata mill-patrijiet Franġiskani Konventwali tar-Rabat t’Għawdex u li ilha tiġi ċċelebrata għal bosta snin. Din il-komunità tal-patrijiet kellha l-kunvent tagħha f’dawn l-inħawi ċentrali tal-belt Għawdxija sa minn żminijiet medjevali. Diġà fi tmiem is-seklu ħmistax dawn il-patrijiet kellhom għerien f’dawn l-inħawi fejn kienu jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ meditazzjoni u talb fuq ir-regola Franġiskana. Il-poeta Malti Ġorġjan u wild Ħal-Qormi l-avukat Ġorġ Zammit li kellu mħabba partikulari lejn il-gżira Għawdxija jsemmi dawn l-għerien f’waħda mill-poeżiji l-aktar magħrufa tiegħu.
Il-Qima lejn l-Immakulata
M’hemmx dubju li l-qima lejn il-Kunċizzjoni f’Għawdex ħadet spinta ‘l quddiem mal-wasLa tal-Franġiskani f’Għawdex. Mhux magħruf meta eżatt daħlet din il-qima imma nafu li s-Santwarju tal-Qala li kien iservi bħala parroċċa għal-lvant ta’ Għawdex għandu l-bidu tiegħu mitluf fiż-żmien; oriġinarjament kien meqjum lill-Assunta. Fl-inħawi ta’ Pjazza San Ġorġ fiċ-ċentru tar-Rabat fejn kienet tgħammar l-ewwel komunità Nisranija tal-gżira kien hemm kappella ddedikata lill-Immakulata li dwarha kiteb il-Kan. Dun Nikol Vella Apap fir-rivista parrokkjali Il-Belt Victoria xi snin ilu. Il-Franġiskani kellhom qima speċjali lejn l-Immakulata li taf għeruqha fi Franġisku nnifsu u li kompliet kibret permezz tal-kitbiet teoloġiċi tal-Franġiskan Ġwanni Duns mill-Iskozja magħruf bħala l-Beatu Ġwanni Duns Skotu. Il-patrijiet ma żammewx din id-devozzjoni għalihom; fl-1848 l-iskultur Bormliż Salvu Psaila ħadem għalihom fl-injam statwa barokka mill-iprem tal-Immakulata – dan ifisser li tmien snin qabel mal-Papa Piju IX ipproklama d-domma tal-Kunċizzjoni, il-Franġiskani kellhom statwa tal-Immakulata. Din bdiet tinħareġ purċissjoni u mas-snin l-abitanti ta’ madwar il-Knisja ta’ San Franġisk li fil-parti l-kbira tagħhom kienu parruċċani ta’ San Ġorġ talbu l-parteċipazzjoni tal-Banda Dekana La Stella Vincitrice li għadha tagħti s-sehem tagħha f’din il-festa Marjana. Hemm min jgħid li anke l-istess isem tas-soċjeta’ mużikali ewlenija ta’ beltna taf isimha lill-festa tal-Kunċizzjoni li hija “l-istilla tal-maltemp” għax mal-wasla tagħha tidħol ukoll ix-xitwa.
Festa għażiża
Il-festa tal-Kunċizzjoni ċċelebrata fir-Rabat Għawdex matul il-ġimgħa ta’ qabel it-8 ta’ Diċembru hija festa li tkun mistennija minn bosta. L-ewwelnett hija festa differenti mill-oħrajn għax taħbat fil-bidu tax-xitwa meta l-istaġun tal-festi jkun diġà għalaq. Barra minn hekk, din il-festa tfakkarna fl-għożża kbira li l-Mulej kellu lejn l-Omm tiegħu hekk li riedha tkun safja u bla nikta. L-istatwa barokka ta’ Salvu Psaila hija meqjusa ċ-ċentru ta’ dawn il-festi Marjani għax minnha nfisha tispira l-qima lejn il-Verġni Omm Alla. Il-patrijiet jiċċelebraw in-novena bit-tlett ijiem tat-tridu u l-quddiesa tal-festa tkun mogħnija bis-sehem tal-Kor Laudate Pueri tal-Belt Victoria u bil-kant tal-antifona immorali Hodie Egressa Est tal-Monsinjur Ġużeppi Farrugia tal-Vers, saċerdot ġenju mill-Belt Victoria li kien ukoll disinjatur, teologu ta’ fama, awtur ta’ kompożizzjonijijiet mużikali popolari, segretarju tal-Isqof u dekan tal-Kapitlu Katidrali kif ukoll rettur tas-Seminarju u benefattur ewlieni tal-Bażilika Ġorġjana. Il-festi jilħqu l-qofol tagħhom fil-purċissjoni ta’ fil-għaxija li fiha takkumpanja l-istatwa, il-kleru u l-fratellenzi l-Banda ċittadina La Stella li diġa kienet tieħu sehem qabel l-1881.
Il-Festa tal-Immakulata tar-Rabat Għawdex hija kalamita għad-devoti kollha tal-Madonna u għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom din il-festa li għalkemm ċkejkna fin-nukleju tagħha qegħda dejjem dimensjoni aktar frott il-ħidma dedikata ta’ wlied il-komunità Franġiskana li żżomm lill-Immakulata Kunċizzjoni bħala l-mimmi t’għajnejha.
Flimkien ma’ dan l-artiklu dwar il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’beltna, qed inġibu wkoll poeżija mill-pinna ta’ Joseph Formosa:
SULTANA TAS-SEMA
Sultana nsellimlek
f’din l-għodwa sabiħa,
ningħaqad mal-ħlejjaq
li tant iħobbuk,
U nżurek bħal bosta
fil-Maqdes imżejjen,
li b’għożża bnejnielek
u riedna nagħtuk.
Bħal ġilju li jiftaħ
ġon-nida fil-għodu,
bla tebgħa u safi
fil-ġnien kollu ġmiel,
hekk ħalqek u sawrek
sa mill-ħolqien tiegħek,
u ried li tkun l-isbaħ
id-dnub le kien xkiel.
U rajtek f’din l-għodwa
merfugħa mill-Anġli,
tittajjru fuq artna u
fuq ġwienaħ ħelwin,
u rajt il-lewn ikħal
fis-sbieħ għajnejn tiegħek,
u l-ħmura tal-ħawħa
f’ħaddejk impittrin.
U l-mantar twil tiegħek
ħa l-bjuda tas-sema,
u l-faxxa ma’ qaddek
mill-baħar blu nir,
w is-sema ħoloqlok
tant ħmura Ii tgħammex,
bir-raġġi bajdana
qalb sħab żgħir itir.
U l-kant ħlejju smajtu
ta’ ilħna tas-sema,
u d-daqq ta’ ħafna arpi
jimlew l-univers,
u xtaqt li kont nista’
ngħannilek dak l-innu,
miktub b’tant imħabba
l-Antifna tal-vers.
Għax wieħed jistaqsi
jekk l-Iben ried joħloq,
Lil dik l-istess Ommu
li lilu rabbiet,
ma kienx żgur li jtiha
il-ħlewwa tas-sema,
il-ġmiel miġbur kollu
ta’ l-art w’smewwiet?
Għalhekk int sabiħa
bil-grazzja mimlija,
lesta li tilqa’
lil min jersaq ħdejk,
u żgur li min talbek
l-għajnuna fin-niket,
fil-mard u fid-dieqa
ra l-grazzja f’idejk.
U tħarrku f’qabarhom
l-rħieb mejtin twajba,
li lilek tant faħħru
b’imħabba w’impenn,
ħaddanhom madwarek
fit-tempju kbir tiegħek,
sejħilna int f’mewtna
ma’ djulek għall-kenn.