Join Us On:

News Archive

IL-FESTA TA’ SAN MIKIEL FIR-RABAT GĦAWDEX

Il-qima lejn l-anġli t’Alla fil-Knisja hija waħda qadima ħafna; jekk nieħdu lil San Mikiel, nafu li l-Lhud stess, il-poplu “magħżul” ta’ Alla kellu diġa qima partikulari lejn San Mikiel, li kien meqjus id-difensur speċjali tal-poplu Ġudajku. Anke fl-era Nisranija, il-qima lejn San Mikiel qatt ma ttiefset imma baqgħet sħiħa u f’kontinwazzjoni ma’ dik li nsibu fir-Rabta l-Qadima. Il-qima lejn San Mikiel fuq il-muntanja tal-Gargano li żaruha bosta qaddisin, is-santwarju tiegħu f’Mont Saint Michel fi Franza u l-katidrali ddedikati lilu madwar id-dinja kollha huma lkoll sinjali ħajja ta’ dan l-kult anġeliku.
 
San Mikiel f’Għawdex
Il-qima lejn San Mikiel f’Għawdex ukoll hija waħda qadima. Is-suldati kruċjati kellhom qima speċjali lejn qaddisin kavallereski u militari. F’Malta l-knisja ta’ San Mikiel hekk imsejħa “tas-Sinċir” hija antikissima u nkiteb ħafna dwarha. F’Għawdex, il-qima lejn San Mikiel kienet ikkonċentrata fir-Rabat – il-belt il-qadima tal-gżira – fejn l-Għawdxin kellhom il-parroċċa tagħhom taħt il-protezzjoni ta’ San Ġorġ. Jagħmel sens li l-kult ta’ San Mikiel tnissel fi ħdan il-parroċċa ta’ San Ġorġ minħabba li ż-żewġ qaddisin li semmejna huma “militari”; il-kult tagħhom, jekk m’għadx jiġI ppruvat li huwa aktar bikri, żgur li ħa r-ruħ fi żmien il-Kruċjati. 
 
Il-bidu tal-fidi Nisranija huwa bidu mdallam bin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni u anke minħabba l-fatt li Għawdex mhux dejjem kien mogħti l-importanza mogħtija lill-gżira ewlenija ta’ Malta. Skond tradizzjoni antika, San Pawl instema’ jippriedka mix-Xewkija. Sinjali oħra ta’ Kristjaneżmu huma marbuta ma’ Għar Għerduf imma mbagħad ftit li xejn għandna tagħrif. Il-Mislem ħakem fuq il-gżira wkoll; kien mal-Konti Ruġġieru li f’pajjiżna l-proċess ta’ “latinizzazzjoni” qabad art. Fil-Kastell tal-gżira l-ewlenija knisja kienet iddedikata lil San Lawrenz Martri ta’ Ruma; dan bir-raġun għax ta’ San Lawrenz kien il-kult tal-Kurja Rumana – kull fejn daħlet il-fidi ta’ Ruma daħal magħha l-kult lejn il-qaddis ewlieni tagħha. Il-knisja antika tiegħu kienet tinsab fejn illum hemm il-Katidral. Fil-parroċċa tar-Rabat, l-influwenza tal-Knisja Griega inkarnat ruħha fil-qima lejn il-qaddis martri tagħhom San Ġorġ. San Mikiel u San Ġorġ imorru ma’ xulxin; b’hekk il-kult lejn l-Arkanġlu qabad fir-Rabat. L-altar tiegħu fil-Knisja Parrokkjali huwa qadim; fuqu kien hemm il-kwadru ta’ San Mikiel ta’ ċertu pittur Malti Lamagna, li kien in-neputi ta’ Dun Pawl Lamagna, li kien kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.
 
L-istatwa ta’ San Mikiel
L-istatwa ta’ San Mikiel Arkanġlu fil-Parroċċa Bażilika ta’ San Ġorġ ma saritx għal din il-parroċċa. Minn studju li kien għamel l-istoriku ewlieni tal-istorjografija tar-Rabat Għawdex Dr. Eugene F. Montanaro, nafu li din l-istatwa kienet saret għall-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi ta’ Malta. Din l-istatwa nħamdet fl-injam minn Alessandro Farrugia fis-sena 1838, l-istess sena li fiha nħadmet l-ewwel statwa titulari f’Għawdex; dik ta’ San Ġorġ ta’ Pietru Pawl Azzopardi. Meta kien inqala’ xi nkwiet fil-parroċċa Qormija, kien deċiż li l-istatwa tinbiegħ lil dik ta’ San Ġorġ ta’ Għawdex. Dr. Montanaro jgħid hekk dwar l-istatwa artistika ta’ San Mikiel li nsibu fil-Bażilika ta’ San Ġorġ:
 
“Il-vara ta’ San Mikiel meqjuma fil-Bażilika ta’ San Ġorġ tipparaguna tajjeb ħafna fil-konfront ma’ vari oħra ta’ dan il-qaddis ġewwa pajjiżnau tixhed biċ-ċar li Alessandro Farrugia kien kapaċi joħloq figuri skultorji fl-injam ta’ ċertu livell artistiku” (Programm Festi San Ġorġ Għawdex 1986).
 
Maż-żmien din l-istatwa bdiet tinħareġ proċessjonalment fil-festa ta’ San Mikiel fid-29 ta’ Settembru. Qabel ma twieldet il-parroċċa tal-Katidral fl-1955, iż-żewġ baned tar-Rabat Għawdex kienu jakkumpanjaw fil-purċissjonijiet li joħorġu minn San Ġorġ. Il-Banda Il Leone kienet tieħu sehem fil-purċissjoni ta’ San Mikiel; imma fl-1954, wara li n-nies kienet ilha tissaporti ħafna ċertu mġieba li ma kienx ta’ min ifaħħarha, kif jgħid bil-Malti, lil xi persuni “telagħlhom San Filep” u xi ħadd mhux magħruf fettillu jaqla’ l-ġwienaħ tal-istatwa biex ma tinħariġx fil-purċissjoni. Dak in-nhar il-parroċċa ta’ San Ġorġ esperjenzat speċi ta’ ethnic cleansing u fis-snin ta’ wara l-Kolleġġjata tal-Kastell infirdet darba għal dejjem minn mal-parroċċa ta’ San Ġorġ.  Minn dak in-nhar ‘il quddiem l-Isqof t’Għawdex Mons Ġużeppi Pace ddeċieda li ma toħroġx iżjed il-purċissjoni. 
 
Kull min iżur il-parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex għadu jista’ jgawdi l-ġmiel ta’ dan San Mikiel xogħol fl-injam li kien ġie rrestawrat mid-ditta Talpa ta’ Napli taħt id-direzzjoni ta’ Monsinjur Ugo Dovero li kien issejjaħ Għawdex minn Mons. Dun Ġużepp Farrugia, illum Arċipriet Emeritu tal-Bażilika.  
 
San Mikiel fl-għajdut u l-folklor
Isem San Mikiel daħal fil-għajdut u l-folklor ta’ l-Għawdxin. F’ambjent bħal dak tar-Rabat Għawdex kien hemm ukoll min għamel xi interpolazzjoni f’dan il-qawl biex ikun jaqbel maċ-ċirkustanzi partikulari tal-post.  Hekk per eżempju wara li l-Isqof Pace waqqaf il-purċissjoni ta’ San Mikiel fir-Rabat, xi partitarji tal-Banda Il Leone ħarġu bit-taqbila:
 
            San Mikiel Arkanġlu tana l-privileġġ
            U lil-Lhud seħithom tal-kbir sagrileġġ!
 
Hija taqbila li tnissel tbissima fuq fomm min jismagħha imma li fuq kollox tikkonkretizza l-fatt li l-parroċċa tal-Katidral twieldet tassew fis-sena 1955 wara li kienet tilfet il-parrokjalita’ tagħha mas-suppressjoni msemmija fid-digriet tat-twaqqif tal-Kolleġġjata fl-1663/68. Dan joħroġ ċar mill-frażi “privileġġ“ imsemmija f’din it-taqbila ta’ hawn fuq. L-espressjoni “il-Lhud” hija riferenza għall-partitarji ta’ l-Istilla.
 
Min-naħa tagħhom, il-partitarji tal-Banda La Stella ħarġu bi frażi oħra fil-forma ta’ taqbila. Din tgħid hekk:
 
            San Mikiel kellu jkun
            Biex jeħlisna minn ta’ Ljun.
 
Dan għaliex wara s-sena 1954 il-partitarji tal-Banda il Leone kienu bdew jidentifikaw ruħhom mal-parroċċa l-ġdida tal-Katidral; sa dak in-nhar, kienu jakkumpanjaw biss purċissjonijiet minn San Ġorġ. Malli l-Katidral sar parroċċa, kienu talbu wkoll li tinfetaħ il-mina l-ġdida li ġiet imċarrta fis-swar għal raġunijiet purament parrokkjali.
 
Konklużjoni
San Mikiel jibqa’ għal dejjem flimkien ma’ San Ġorġ u qaddisin oħrajn wieħed mid-difensuri l-aktar glorjużi tal-Knisja kontra l-għedewwa indannati ta’ Alla hekk li ismu ġej mill-Aramajk Mika-El  li b’ilsienna tfisser “Min bħal Alla?” Hekk kif iddefenda l-kawża ġusta tat-tajbin fis-sema, hekk ukoll fuq l-art San Mikiel huwa nvokat bħala ħarries u difensur tal-Knisja ta’ Kristu.

29/09/2008