Join Us On:

News Archive

IL-FESTA TA’ L-ASSUNTA

Din il-ġimgħa hija l-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Ommna Marija Santisima li tiġi ċċelebrata fil-Katidral tagħna t’Għawdex.

Fost id-diversi manifestazzjonijiet esterni għal din il-festa, hemm il-marc ta’ nhar Santa Marija filgħodu li jilħaq il-qofol tiegħu ġo Pjazza San Ġorġ.

Waqt li dan il-marċ brijuż ikun ġo Pjazza San Ġorġ, ta’ kull sena, isiru xeni u ġesti li jagħmlu ħafna għajb lil min jagħmilhom. Dawn, prinċipalment, jikkonsistu f’insulti lill-Bażilika ta’ San Ġorġ u lil San Ġorġ innifsu.

Ta’ kull sena, l-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, għamel appell, kemm lill-awtoritajiet tal-Pulizija, kif ukoll lill-awtoritajiet Djoċesani biex dan il-marċ jiġi kkontrollat biex l-andament tiegħu ma jkunx insolenti lejn qaddisin u postijiet ekkleżjastiċi. Għad li dawn l-awtoritajiet dejjem fehmu dan il-bżonn u dejjem tawna raġun u dejjem wegħduna li ser jagħmlu kulma jistgħu biex dan l-aġir jiġi kkontrollat u, possibilment, dan il-marċ tinbidillu r-rotta tiegħu biex jiġu evitati dawn l-egħmejjel tant degradanti, s’issa donnu li l-isforzi ta’ dawn l-awtoritajiet waqgħu fuq widnejn torox.

Dan jidher stonat l-iktar fl-isfond tad-deċiżjoni tal-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li għal dawn l-aħħar tmien snin, minn jeddha u għax għarfet li ż-żmien tal-lum jitlob hekk, dawret ir-rotta tal-marċ prinċipali ta’ Jum San Ġorġ biex ġew evitati nħawi li kienu qed jitqiesu mis-soċjetà l-oħra bħala provokattivi. Din id-deċiżjoni kuraġġjuza kienet immaturat anke fl-isfond tax-xewqa espressa ta’ l-arċipriet u l-kleru tal-parroċċa ta’ San Ġorġ li kienu talbu lill-kumitat tagħna jikkunsidra bis-sħiħ jagħmel dan il-pass profetiku. Dan l-għemil tas-Soċjetà Filarmonika La Stella ntogħġob minn kulħadd, u ġie milqugħ b’tifħir minn kulħadd, inklużi l-awtoritajiet tal-Pulizija u l-awtoritajiet Djoċesani u Katidrali. Imma, jiddispjaċina ngħidu li dan il-ġest tant nobbli mis-Soċjetà Filarmonika La Stella ma ġiex apprezzat minn min għandu f’idejh l-organizzazzjoni tal-festi esterni ta’ nhar Santa Marija. Anzi, ġie irredikolat.

Għaldaqstant konna qed nistennew li, almenu jibdew minn dis-sena, l-arċipriet u l-kleru tal-parroċċa tal-katidral jitolbu lill-kumitat organizzattiv tal-festa f’gieħ Santa Marija sabiex jikkunsidra jbiddel ir-rotta tal-marċ ta’ nhar Santa Marija filgħodu u jevita n-naħa ta’ San Ġorġ, li fiha nnifisha ma għandha x’taqsam xejn ma’ l-inħawi tal-festa.

Minn hawn nixtiequ ntennu l-appell tagħna lill-awtoritajiet kollha li semmejna biex, anke f’dawn l-aħħar jiem u sigħat ta’ qabel il-festa ta’ Santa Marija jkomplu jagħmlu ħilithom biex il-festa ta’ Santa Marija tkun tixbaħ fid-dekor tagħha lill-festa ta’ San Ġorġ organizzata mis-Soċjetà Filarmonika La Stella u mhux isservi biex, f’isem il-glorifikazzjoni lejn Ommna Marija f’jum it-tlugħ tagħha fis-sema, jiġu insultati l-Bażilika ta’ San Ġorġ u San Ġorġ innifsu.

14/08/2008